Lokali

It-tberik tal-annimali għall-festa ta’ San Anton Abbati

Il-Ħadd filgħodu sar it-tberik tal-annimali quddiem il-Knisja ta’ San Mark fir-Rabat fl-okkażjoni tal-festa ta’ Sant’ Anton Abbati.

Din it-tradizzjoni li ssir kull sena bdiet b’quddiesa fl-għaxra ta’ filgħodu. Wara saret purċissjoni li kienet akumpanjata minn banda. Hekk kif il-vara bil-purċissjoni waslet lura ħdejn il-Knisja segwita b’numru ta’ żwiemel, huma ġew imberkin wieħed, wieħed.

Minbarra ż-żwiemel, kien hemm diversi annimali domestiċi fosthom klieb, għasafar u fniek li ħaduhom is-sidien tagħhom sabiex jiġu mberkin. Fost dawn kien hemm ukoll ħnieżer żgħar li twieldu l-lejl ta’ qabel. Wieħed seta’ jinnota l-ferħ fuq wiċċ it-tfal jaraw lill-annimalli li jrabbu b’tant għożża jiġu mbierka.

Din it-tradizzjoni ġibdet ukoll l-interess tat-turisti li nżertaw ir-Rabat fejn waqfu jammiraw waħda mit-tradizzjonijiet antiki f’pajjiżna.

Din il-festa taf il-bidu tagħha f’Malta fi żmien il-Kavallieri meta l-Granmastru stess kien jibgħat il-bhejjem tiegħu biex jitbierku.

Ir-rabta ta’ Sant’ Anton Abbati mal-annimali minn dejjem kienet kbira. Hu għex ħajtu għal Alla bħala eremit fid-deżert fejn kien jiltaqa’ mal-annimali li jingħad kien jieqaf iberikhom.