Lokali

“It-tweġiba tal-Partit Nazzjonalista għall-attakki fuqu hi li jkun man-nies” – Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista se jiddefendi l-propjetà tal-poplu, l-ambjent, id-dgħajfin fis-soċjetà u l-aqwa valur, il-ħajja

Għall-attakki fuqu u fuq il-Kap tiegħu, il-Partit Nazzjonalista se jwieġeb billi jkun man-nies u jiddefendi l-propjetà tal-poplu, l-ambjent, id-dgħajfin u l-ħajja li hi l-aqwa valur. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, meta dalgħodu indirizza miġemgħa ta’ nies li laqgħetu fl-Isla.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil dawk preżenti għall-merħba sabiħa ħafna li tawh fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Hu rringrazzja wkoll lil aktar minn 90 % tal-kumitati sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista magħmulin minn ‘il fuq minn 700 attivist li wrew fiduċja fih meta dehrilhom. Min-naħa l-oħra, hawn min qed jipprova jaljena lin-nies minn dak li qed jiġri tassew fil-pajjiż. Imma, qal Adrian Delia, hu ġie elett minn ġon-nies u m’għaddiex jum wieħed biss li ma baqax man-nies u dan hu li se jkompli jagħmel.

Minn ċens għal bejgħ, minn turiżmu għal real estate, minn € 800m għal € 51m

Adrian Delia spjega kif, waqt il-festi tal-Milied u f’ġurnata waħda biss, il-Gvern Laburista ried jgħaddi art li kienet b’ċens jagħlaq u li kellha skop ta’ turiżmu għal waħda li tingħata b’bejgħ bi prezz baxx ferm għal skopijiet ta’ real estate. B’hekk, il-Gvern Laburista jrid jagħti 100,000 metru kwadru ta’ art fl-aqwa parti ta’ Malta u li tiswa 800 miljun ewro għal 51 miljun biss lil kumpanija privata bla proċess ta’ offerta miftuħa għal kulħadd.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu insista li jkun postpost il-vot u ssir preżentazzjoni lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Jerġa’, f’din il-preżentazzjoni dehru żewġ torrijiet waqt li issa l-gazzetti qed jikxfu li se jinbnew 12-il torri privat għal spekulazzjoni ta’ propjetà fuq art tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Prim Ministru għandu responsabbiltà xi jġorr

“Jew Konrad Mizzi mhux kapaċi jinnegozja jew Konrad Mizzi ħalliel tal-poplu Malti u Għawdxi, ħalliel tal-ġustizzja, ħalliel tal-ambjent u ħalliel tal-verità. Jew inkella mhux hu li qed jinnegozja. U min hawn akbar minn Konrad Mizzi jekk mhux il-Prim Ministru Joseph Muscat?” saħaq Adrian Delia li ddikjara li l-Prim Ministru għandu responsabbiltà xi jġorr.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li waqt li l-Gvern Laburista qed jgħin ftit nies jitħanżru minn fuq dahar il-poplu, hawn 3,200 familja jistennew saqaf fuq rashom minn Gvern Laburista li ma għamilx imqar proġett wieħed ta’ housing soċjali f’sitt snin.

3,200 jistennew housing imma l-Gvern minn ‘pro-business’ għal ‘big business only’

“Għalina 3,200 mhumiex numru imma nies. Gvern Nazzjonalista jagħti garanzija li ma jkunx hawn persuna waħda li tkun umiljata li ma jkollhiex saqaf fuq rasha,” qal Adrian Delia li kkritika lill-Gvern Laburista li minn ‘pro-business’ mar għal ‘big business only’. Il-Partit Laburista tilef ir-ruħ soċjali u ttradixxa l-prinċipji tiegħu. Imma, saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, in-nies ma jistgħux jitilfu t-tama għax il-Partit Nazzjonalista se jkun magħhom biex jibni soċjetà li jimpurtaha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern Laburista m’għandux pjan fit-tul. Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent qed taqbel li pajjiżna b’densità tant qawwija ta’ popolazzjoni ma jidhirx li qed jirrifletti l-limitu li jiflaħ il-pajjiż. Il-Gvern Laburista nixef mill-ideat u l-unika idea li baqagħlu biex itejjeb in-numri hi li jġib ħaddiema barranin ħalli l-ekonomija tidher li qed tkber.

Fl-istess waqt il-Gvern Laburista flok qered il-faqar żied il-faqar finanzjarju għal 72,000 ruħ. Hawn familji jiffaċċjaw żieda fil-kera minn 500 ewro għal 5,000 fis-sena. Koppji żgħażagħ li għadhom ħa jibdew ħajjithom qed isibu bibien magħluqa, kirjiet għoljin, prezzijiet li ma jimmaġinawx u banek li ma jisilfuhomx. Il-qasma bejn is-sinjur u l-fqir qed tikber b’rata akbar mill-ekonomija, qal Adrian Delia li fisser kif il-Partit Nazzjonalista qed jgħin lil min hu dgħajjef.

Il-Gvern Laburista qed isawwar ‘a soulless state’

Hu semma l-istħarriġ tal-Union tal-Għalliema li sabet li 87 % tal-għalliema kellhom esperjenza ta’ aggressjoni fl-iskejjel. Fejn qed tmur is-soċjetà tagħna? staqsa Adrian Delia. Il-Gvern mhux jitkellem fuq il-fibra soċjali tagħna, anzi l-Gvern Laburista qed isawwar ‘a soulless state’, stat bla ruħ f’kulma jagħmel.

Adrian Delia qal li issa reġgħet tqanqlet il-kwistjoni tal-abort u l-Gvern qed jagħmel dak li jaf jagħmel l-aqwa: jaħdem bil-moħbi. Il-Gvern Laburista jittratta l-persuna umana bħala tmien ċelloli. Iżda biex jiddefendi l-aqwa valur, dak tal-ħajja, se jkun hawn il-Partit Nazzjonalista li dejjem emmen fil-ħajja umana u dejjem ipproteġa l-ħajja.

Determinazzjoni, konvinzjoni, persważjoni

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’dawn l-aħħar ġimgħat sofra ħafna attakki, imma dawn l-attakki huma fuq il-Partit Nazzjonalista għax min qed jattakkah qed jarah qed jissaħħaħ u joqrob lejn in-nies. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista mhux se jattakka lura imma se jinżel fid-dar naturali tiegħu, għand in-nies. U meta jkun qalb in-nies, għalxejn jattakkawh.

“Jien ma naqtax qalbi; intom ma taqtgħux qalbkom, għax se nirritornaw lill-Partit Nazzjonalista, il-partit tas-sewwa, il-partit tad-determinazzjoni, tal-konvinzjoni u tal-presważjoni qalb in-nies,” temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.