Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddefenda l-aġir tal-Gvern fil-kwistjoni tal-bastiment Sea Watch 3 li għamel kważi tliet ġimgħat bejn sema u ilma.
Waqt li kien qed jindirizza attivita’ politika fil-każin Laburista ta’ Ħaż-Żabbar, Muscat qal li faċli li wieħed iparla minn wara keyboard. Qal li l-Gvern ma jistax jisma’ minn min jgħid li għandna nħallu n-nies barra u lanqas ma jista’ jisma lil min jgħid li għandna ndaħħlu lil kulmin jiġi b’dgħajsa.
Ma sibniex is-soluzzjoni magika, qal Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru ftaħar li Malta hi fost l-20 pajjiżi li klassifikaw bħala pajjiż li għandu demokrazija sħiħa. Hu qal li l-mira tiegħu hi li Malta tkun fit-top 10.
Hu tkellem ukoll dwar ir-reklamazzjoni tal-art. Il-Mexxej Laburista ċaħad li se ssir reklamazzjoni tal-art fil-kosta ‘il barra mix-Xgħajra iżda ma eskludiex li se ssir reklamazzjoni tal-art.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali f’Mejju li ġej. Hu qal li bħal kull elezzjoni, il-Partit Laburista jibda bħala l-underdog.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li Jekk Joseph Muscat irid li pajjiżna jkun mat-top ten tal-Ewropa fid-demokrazija kif qal, għandu jara li l-istituzzjonijiet ma jibqgħux maħkuma mill-Gvern immexxi minnu.
Għandu jara li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ma jkunux hemm biex jobdu l-ordnijiet mogħtija lilhom.
Jekk irid li d-demokrazija f’pajjiżna tiffunzjona, Joseph Muscat għandu jara li l-Avukat Ġenerali jgħaddi kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan biex l-Avukat Ġenerali ma jibqax iwaqqaf lill-Kap tal-Oppożizzjoni milli jaqdi dmirijietu skont il-kariga li għandu bil-Kostituzzjoni, ittemm l-istqarrija.
//= $special ?>