Lokali

Kuntratt massiċċ ta’ €150 miljun f’bini ta’ inċineratur fil-Magħtab

Ankè l-inċeneratur se jmur f’idejn Konrad Mizzi

Kwistjoni li ilha tberren diversi xhur fil-qalba ta’ Kastilja dwar il-proġett massiċċ tal-inċeneratur ċentrali l-ġdid li se jkun qed jinbena bi spiża ta’ €150 miljun, issa qed toħroġ aktar fl-apert meta l-ordni minn Kastilja hi li tali proġett għandu jittieħed minn idejn il-Ministru Josè Herrera u jingħata lill-Ministru Konrad Mizzi.

Il-manuvri kollha qed isiru minn wara dahar Josè Herrera, aljenat b’affarijiet oħrajn, bl-argumenti jkunu wkoll li dan il-Ministru ma kienx kapaċi li jdaħħal fil-pajjiż b’mod effiċjenti l-iskema tas-separazzjoni tal-iskart domestiku.

Sorsi fi ħdan il-Partit Laburista qalu li matul Ottubru u Novembru li għadda kienu rapportati fil-midja għadd ġmielu ta’ artikli dwar il-mod xejn serju – anzi tad-daħk – kif tqassmu l-kontenituri kbar li suppost għandhom jintużaw minn kull familja għas-separazzjoni tal-iskart. Liema introduzzjoni l-Ministeru mmexxi mill-Ministru Josè Herrera għamilha bla diskussjoni u involviment tal-partijiet involuti, fosthom tal-Kunsilli Lokali bir-riżultat li sal-lum għadha tirrenja konfużjoni sħiħa fil-mod kif qed jinħareġ l-iskart.

Dan kollu qed iwassal lil dawk qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat biex jenfasizzaw li tali proġett kbir ħafna ta’ inċineratur ġdid għal pajjiżna, ma jitħalliex f’idejn il-Ministru Josè Herrera.

Il-favorit li jieħu dan il-proġett massiċċ li jinvolvi miljuni ta’ flejjes tal-poplu, jibqa’ l-Ministru Konrad Mizzi.  Meta persuni mlaħħqa fil-Partit Laburista waslu l-ilmenti tagħhom f’Kastilja, intqal lilhom li tant l-inċineratur ċentrali l-ġdid hu proġett kbir li jrid ikun lest sas-sena 2023, li ħadd ħlief Konrad Mizzi ma hu kapaċi li jwasslu.

Dan mistenni jkun proġett qawwi ħafna li jiġġenera wkoll flus kbar. Hu proġett li hu maħsub li se jkun ikopri xejn inqas minn 5,000 metru kwadru ta’ art fil-Magħtab bl-iskop li jittratta xejn inqas minn erbgħin fil-mija tal-iskart iġġenerat fil-gżejjer Maltin, iżda li se jkun kapaċi jaħraq ħafna iżjed minn dan l-ammont.

Jirriżulta li l-ewwel studji dwar il-proġett urew li biex ikun vijabbli, l-inċeneratur se jkollu bżonn madwar 60% fi skart x’jaħraq u dan l-ammont jintlaħaq biss jekk jaħraq ukoll il-plastik, li l-emissjonijiet tiegħu huma tossiċi u ta ħsara kbira għas-saħħa.

Fil-pajjiż il-problema tan-nuqqas ta’ spazju fejn jintrema l-iskart iġġenerat issa laħqet livelli kbar bir-riżultat li l-Gvern imbarka fuq pjan li jinvesti fil-kostruzzjoni ta’ inċineratur fil-Magħtab li jkun kapaċi jittratta xejn inqas minn 114,000 tunellata ta’ skart kull sena.

Hu sigriet magħruf li dan l-investiment ta’ inċineratur ġdid il-Gverrn qiegħed jippjana li jagħmlu flimkien mal-privat u għalhekk hawnhekk joħroġ ċar li f’dan il-proġett jista’ jkun hemm numru ta’ interessi diretti u oħrajn indiretti. Il-Gvern qed jisħaq li l-proġett irid jibda jiffunzjona sal-2023.

Kull meta jitfaċċaw proġetti ta’ dan il-kobor, dejjem jitfaċċa l-Ministru Konrad Mizzi li nqabad b’kumpaniji sigrieti fil-Panama li skont dak li qal lill-banek, fiha kien se jirċievi s-somma ta’ €150,000 fix-xahar mill-kumpanija f’Dubaj 17 Black, li skont il-ġurnalisti barranin din hi propjetà ta’ wieħed mis-sidien fil-konsorzju ElectroGas li ħa l-kuntratt tal-power station għal 18-il sena, taħt it-tmexxija ta’ Konrad Mizzi bħala wieħed mill-proġetti kapitali tal-Gvern.