Internazzjonali

L-eks militanti komunista Cesare Battisti maqbud fil-Bolivja

L-eks militanti komunista Taljan, Cesare Battisti, spiċċa arrestat fil-Bolivja meta l-President ġdid tal-Brażil qed jimpenja ruħu biex jestradixxi lill-istess Battisti lejn l-Italja. Battisti hu mfittex mill-awtoritajiet Taljani għal erba’ omiċidji li seħħew fis-snin sebgħin u meta hu qed jiċħad il-ħtija.

Dan l-eks militanti kien dam is-snin fil-Brażil bħala refuġjat u fejn kellu l-appoġġ tal-eks President Brażiljan tax-xellug, Luiz Inacio Lula da Silva.

Madankollu, Jair Bolsonaro, politiku estremista tal-lemin li għadu kemm assuma l-Presidenza fil-Brażil, għamilha ċara li Battisti għandu jintbagħat lura l-Italja.

Skont l-uffiċjali qrib ta’ Bolsonaro, Battisti ‘kellu jitwassal dalwaqt il-Brażil minfejn, probabbilment, jintbagħat l-Italja biex jiskonta l-priġunerija għal għomru’.

F’Diċembru li għadda kien ħareġ mandat ta’ arrest għal Battisti, meta l-eks President Brażiljan, Michel Temer, irtiralu l-istatus ta’ residenti permanenti. L-eks militanti, imbagħad, kien ħarab lill-ġustizzja, bl-avukat li kien qed jirrappreżentah u l-pulizija ma jkollhomx idea dwar il-movimenti tiegħu.

L-arrest ta’ Battisti twettaq minn skwadra speċjali tal-Interpol magħmulha minn investigaturi Taljani. Is-sena l-oħra, Battisti – li għandu tifel Brażiljan ta’ ħames snin – kien informa lill-istampa li hu għandu jiffaċċja ‘it-tortura u l-mewt f’każ li jirritorna l-Italja.’