Futbol Sport

Maurizio Sarri jrid sostitut ta’ Fabregas

(Ritratt: EPA)

Wara r-rebħa ta’ Chelsea fuq Newcastle, il-manager ta’ Chelsea Maurizio Sarri jrid jiffirma sostitut ta’ Cesc Fabregas. L-Ispanjol iffinalizza t-trasferiment ma’ Monaco lbieraħ u wara l-logħba, Sarri żvela li jrid sostitut iżda qal li mhux ċert jekk hux se jkun hemm plejer ieħor li se jingħaqad magħhom.

“Illum Jorginho kellu l-problemi u fuq il-bank ma kienx hemm plejer għal dik il-pożizzjoni u għalhekk irrid plejer għal dik il-pożizzjoni.” Meta mistoqsi jekk Chelsea hux se jakkwistaw sostitut, Sarri wieġeb li l-klabb jaf sew l-opinjoni tiegħu u kompla li jiddependi mid-deċiżjoni tal-klabb għaliex hu ma jistax jagħmel aktar.

Sarri kien mistoqsi wkoll dwar il-futur ta’ Willian li fl-aħħar jiem reġa’ qed jissemma li jista’ jingħaqad ma’ Barcelona. Il-plejer ta’ 30 sena wera l-valur tiegħu meta skorja l-gowl tar-rebħa lbieraħ biex kabbar id-distakk ta’ Chelsea fuq Arsenal għal sitt punti.

Il-Ġimgħa, Sarri kien insista li kien impossibbli li jitlef lil Willian u reġa’ rrepeta dan ilbieraħ, bil-Brażiljan fadallu sena u nofs fil-kuntratt eżistenti.

Tags