Studenti tal-MCAST li għamlu kuntatt ma Net News huma rrabbjati u nkwetati fl-istess ħin… dan kif issa ġew mgħarrfa li mhux qed tittieħed l-attendenza tagħhom jew jekk tittieħed mhux qed tiġi pproċessata – bir-riżultat li mhux qed jierċievu l-istipendju, u iktar minn hekk mhux se jkunu qed jieħdu ċ-ċertifikati fl-aħħar tas-sena.
L-istudenti li tkellmu mal-kamra tal-aħbarijiet kienu mill-Community Services tal-MCAST iżda qalulna li studenti fil-fakultajiet kollha l-oħra kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni.
Huma spjegawlna kif il-lecturers mhumiex jitħallsu fil-ħin u hemm min għandu jieħu saħanstira sa €3000 f’pagi b’lura. Barra minn hekk l-istess lecturers qed ikollhom problemi biex jingħataw self mill-banek riżultat ta’ din s-sitwazzjioni u minħabba t-taħwid li qed ikollhom fil-payslips tagħhom.
Intant l-istudenti huma nkwetati ħafna wkoll minħabba l-fatt li lanqas l-assignments tagħhom mhu qed jiġu kkoreġuti. Dan ifisser li fl-aħħar tas-sena mhux se jingħataw iċ-ċertifikati b’konsegwenza li ma jkunux jistgħu jiggradwaw. Barra minn hekk dawk l-istudenti li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom fl-Universita qed jirriskjaw li jiġu mċaħħda miċ-ċans li jagħmlu dan mingħajr iċ-ċertifikati mill-MCAST.
Il-lista ta’ diffikultajiet jinkludu l-fatt li l-assignments u xogħol ieħor tal-istudenti mhux qed jiġu kkoreġuti, l-istudenti mhux qed jirċievu risposti għall-emails li jibgħatu lill-għalliema, l-għalliema mhumiex jikkomunikaw mal-istudenti ħlief fil-ħin tal-lezzjonijiet, mhux qed isir verifikar tal-units li attendew għalihom l-istudenti u mhux qed isiru sessjoni tas-synoptics.
Is-sitwazzjoni qed tinkwieta ħafna lill-istudenti, l-aktar dawk li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom l-Università aktar tard din is-sena.
//= $special ?>

