Lokali

32 ħaddiem tal-Astracast isibu l-bibien magħluqa

It-Tnejn filgħodu madwar 32 ħaddiem tal-kumpanija Astracast li tinsab Bulebel, għal darb’oħra sabu l-bibien magħluqa meta marru biex jirrappurtaw għax-xogħol. Kif żvelat b’mod esklussiv il-gazzetta il-mument….ħadd mhu qed jitħalla jidħol fil-fabbrika ħlief il-management.

Jidher li dan kollu qed iseħħ minħabba li baqgħet ma tħallsitx ir-renewal tat-third party insurance tal-kumpanija. Dan ifisser li mhemmx assigurazzjoni li tkopri inċidenti li jseħħu fuq il-post tax-xogħol.

Bħala protesta għal dak li qed jiġri, il-ħaddiema se jibqgħu quddiem il-fabbrika lejl u nhar sakemm ikollhom risposta dwar x’se jiġri mill-futur tagħhom kif ukoll mill-fabbrika.

Fl-isfond ta’ dan kollu, nhar l-Erbgħa l-ħaddiema se jkollhom laqgħa mas-sid tal-Astracast li huwa barrani. Imbagħad il-Ħamis se ssir laqgħa bejn il-Union u l-ħaddiema. Dan b’tama li jiġu rranġati l-affarijiet biex dawn il-ħaddiema jkunu jafu x’se jsir minnhom.

Il-fabbrika Astracast, li tipproduċi l-composite, kienet trasferita reċentement f’Bulebel wara li għal diversi snin kienet fil-Marsa. Din il-fabbrika dan l-aħħar għalqet il-bibien tagħha u ħalliet lill-impjegati bla pagi.

Minn informazzjoni li rnexxielu jikseb il-ġurnal il-Mument jirriżulta li fl-aħħar snin din il-fabbrika partikolari daħlet f’saga ta’ taqtigħ il-qalb u f’mumenti minnhom il-Gvern ipprova jgħinha direttament milli ppompja flejjes relattivament kbar bl-iskop li l-kumpanija terġa’ taqbad ir-ritmu tal-produzzjoni.

Fl-aħħar snin għal numru ta’ raġunijiet l-operat tal-kumpanija beda sejjer lura. L-għadd ta’ ħaddiema kien javviċina t-80 persuna.

F’Diċembru li għadda waqt il-festi tal-Milied, it-tmexxija tal-kumpanija informat lill-ħaddiema li kienet se tagħlaq il-bibien għall-festi għal erbat ijiem u li wara l-operat kien se jissokta bħas-soltu. Dakinhar ma nħarġu l-ebda pagi lill-ħaddiema.

Meta l-ħaddiema rritornaw għax-xogħol bħas-soltu, sabu l-bibien magħluqa.