Sport Sport Ieħor

Andy Murray jista’ jkun lagħab l-aħħar logħba tennis fil-karriera

(Ritratt: EPA)
L-Iskoċċiż eliminat fl-ewwel rawnd tal-Open tal-Awstralja

Andy Murray kien eliminat mill-ewwel rawnd tal-Open tal-Awstralja hekk kif kien megħlub mis-sid numru 22 Roberto Bautista Agut, f’dik li potenzjalment tista’ tkun l-aħħar logħba tal-karriera.

L-eks numru wieħed tad-dinja u tliet darbiet rebbieħ ta’ Grand Slam żvela ftit jiem ilu li kien se jirtira din is-sena minħabba li weġġa’ ġenbu. Hu kien saħaq li jixtieq jispiċċa Wimbledon, iżda ammetta li l-Open tal-Awstralja seta’ jkun l-aħħar tournament tiegħu.

Bautista Agut rebaħ f’ħames sets 6-4, 6-4, 6-7, 6-7, 6-2 fil-Melbourne Arena. “Ħadt pjaċir nilgħab hawn matul is-snin, hu post sabiħ li tilgħab it-tenis u jekk din kienet l-aħħar logħba, kienet logħba brillanti li nispiċċa. Jista’ jkun narakom darba oħra. Se nagħmel minn kollox biex nipprova. Jekk nerġa’ nipprova, irrid nagħmel operazzjoni kbira li ma tagħtix garanzija li nirritorna imma se nagħmel mill-aħjar,” qal Murray.

L-Iskoċċiż ingħata merħba kbira mill-pubbliku preżenti, bl-Ispanjol kien ġej mir-rebħ tal-Open tal-Qatar wara li kien għeleb lil Novak Djokovic fis-semifinali. Ħafna kienu qed jaħsbu li l-Iskoċċiż kien se jbati kontra avversarju li kien għeleb fit-tliet konfronti preċedenti. Bautista Agut rebaħ l-ewwel set wara li Murray rebaħ it-tmien logħba tas-set u kiseb break point li iżda ma ħax vantaġġ minnu.

(Ritratt: EPA)

Hu reġa’ tilef il-logħba meta kellu s-service fil-ħames logħba tat-tieni set, bl-Ispanjol jirbaħ bi smash biex għalaq it-tieni set meta kellu s-service. Sa dak il-ħin, il-konfront deher riesaq lejn tmiemu. Iżda l-perseveranza ta’ Murray wasslet biex salva break point fit-tmien logħba u kien viċin li jieħu s-set fid-disa’ logħba sakemm ra l-ballun jaħbat max-xibka. Madankollu Murray rebaħ it-tielet set b’tie-break.

Dan is-set ta fiduċja ġdida lil Murray li bl-appoġġ tal-pubbliku u l-enerġija li kellu f’dak il-ħin spiċċa biex anki rebaħ ir-raba’ set b’tie-break. Fis-set deċiżiv, Murray reġa’ kien minn fuq fl-ewwel okkażjoni li Bautista Agut kellu s-service, iżda l-Ispanjol rebaħ it-tieni set li kellu s-service biex kiser is-service ta’ Murray fi triqtu biex għalaq is-set deċiżiv 6-2. Għal Murray din kienet it-854 logħba professjonali fil-karriera u għadu mhux magħruf jekk hux se tkun l-aħħar waħda.