Futbol Sport

Atalanta u Roma mal-aħħar tmienja tal-Coppa Italia wkoll

(Ritratt: EPA)

Ebda sorpriża fir-rawnd tal-aħħar 16 tal-Coppa Italia hekk kif Atalanta u Roma assiguraw ukoll posthom fil-kwarti tal-finali. Atalanta għelbu lil Cagliari 2-0 barra minn darhom filwaqt li Roma rebħu 4-0 fi Stadio Olimpico kontra t-tim tas-Serie B Virtus Entella.

Roma kellhom bidu mill-aqwa meta fetħu l-iskor wara biss 21 sekonda bi kross mil-lemin ta’ Cengiz Under lejn PATRIK SCHICK li bit-takkuna għeleb lil Andrea Paroni. Huma rduppjaw fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima bid-difensur Rick Karsdorp iqassam fil-baxx lejn Schick li bit-takkuna fetaħ lejn IVAN MARCANO li skorja b’xutt mill-ewwel.

It-tim ta’ Eusebio di Francesco reġa’ kellu bidu pożittiv fit-tieni taqsima hekk kif għalaq il-logħba fis-47 minuta b’Justin Kluivert jgħaddi lejn PATRIK SCHICK li għeleb lil Paroni b’konklużjoni fil-baxx. Kluivert kien involut ukoll fir-raba’ gowl ta’ Roma fl-74 minuta meta din id-darba qassam lejn JAVIER PASTORE li skorja b’xutt fil-baxx fuq il-ġirja.

Għal Atalanta kienu żewġ gowls lejn it-tmiem li għamlu d-differenza. Huma marru fil-vantaġġ fit-88 minuta meta xutt ta’ Timothy Castagne spiċċa fid-direzzjoni ta’ DUVAN ZAPATA li skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin. Il-Bergamasci għalqu l-logħba fit-93 minuta b’Zapata jqassam lejn MARIO PASALIC li skorja b’xutt fil-baxx, fost il-protesti ta’ Cagliari għal fawl ta’ Zapata.

Kwarti tal-finali: Milan v Napoli , Lazio v Inter M Fiorentina v Roma , Juventus v Atalanta