Futbol Sport

Birkirkara jibqgħu b’punti massimi fil-kampjonat tan-nisa

(Ritratt: Joe Borg/MFA)

Birkirkara kabbru s-sensiela tagħhom mingħajr telfa wara li għelbu lil Swieqi United 6-0 fl-ewwel impenn tagħhom fis-sena l-ġdida. Mġarr United u Hibernians baqgħu jsegwu liċ-champions b’rebħiet fuq Kirkop United u Raiders rispettivament biex b’hekk ma nbidel xejn fl-ogħla postijiet tal-klassifika.

Birkirkara skorjaw tliet gowls f’kull taqsima fir-rebħa kontra Swieqi United. Kailey Willis fetħet l-iskor wara biss minuta u Tracy Teuma rdoppjat fl-20 minuta biex Rebecca Bajada għamlithom tlieta sitt minuti wara. Fit-tieni 45 minuta, Stephania Farrugia skorjat darbtejn qabel Kelly Agius Pace għalqet il-logħba bis-sitt gowl.

Mġarr United żammew it-tieni post b’rebħa ta’ 3-0 fuq Kirkop United. Iż-żagħżugħa Haley Bugeja kompliet tiskorja hekk kif fetħet l-iskor fis-27 minuta minn penalty. Għaxar minuti wara, Maria Mizzi rdoppjat biex Ambert Grech skorjat it-tielet gowl mas-siegħa logħob.

Hibernians għelbu lil Raiders 2-1 u żammew it-tamiet minimi li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat. Deċiżivi kienu l-gowls ta’ Jade Flask u Emma Xuereb fl-ewwel 19-il minuta. Raiders kienu naqqsu d-distakk minuta mit-tmiem b’gowl ta’ Rebecca Naudi.

F’logħba oħra, Mosta u Fgura United spiċċaw fi draw ta’ 1-1, b’Marie Claire Alamango ġġib id-draw qabel tmiem l-ewwel taqsima wara li Martina Cortis kienet fetħet l-iskor fis-27 minuta.

Riżultati: Birkirkara v Swieqi U. 6-0 , Fgura U. v Mosta 1-1 , Mġarr U. v Kirkop 3-0 , Raiders v Hibernians 1-2

Klassifika wara disa’ logħbiet: Birkirkara 27 punt, Mġarr United 21 punt, Hibernians 19-il punt, Kirkop 10 punti, Raiders 9 punti, Swieqi United 9 punti, Mosta 5 punti, Fgura 2 punti

Logħob li jmiss: L-Erbgħa 16 ta’ Jannar – Mġarr Ground: Swieqi v Raiders 8.15pm , Charles Abela Stadium: Mosta v Birkirkara 8.15pm , Il-Ħamis 17 ta’ Jannar – Mġarr Ground: Kirkop v Fgura 8.15pm , Charles Abela Stadium: Hibernians v Mġarr 8.15pm

L-aqwa skorers: Haley Bugeja (Mġarr) 15-il gowl , Kailey Willis (Birkirkara) 9 gowls , Brenda Borg (Mġarr) 8 gowls , Stephania Farrugia (Birkirkara) 7 gowls , Demi Magrin (Kirkop) 7 gowls