Lokali

Christian Micallef jieħu l-ġurament bħala r-raba’ Sindku tal-Belt Valletta

F’ċerimonja li saret illejla fil-bini tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, Christian Micallef ħa l-ġurament bħala r-raba’ Sindku tal-belt kapitali. Dan wara li s-Sindku preċedenti Alexiei Dingli rriżenja mill-kariga. Fl-istess ċerimonja ħa l-ġurament ta’ Viċi-Sindku Vince Fabri.

Is-sindku l-ġdid Christian Micallef sostna li jilqa’ din il-kariga prestiġjuża b’umiltà kbira u b’sens ta’ dover li jagħti l-massimu fil-ħidma tiegħu lejn ir-residenti kollha fil-Belt Valletta.

Hu jwiegħed li se jkun is-Sindku ta’ kulħadd u għal kull Belti u Beltija. Micallef sellem u rringrazzja lis-Sindku preċidenti Alexiei Dingli li miegħu ħadem f’din il-leġislatura fir-rwol ta’ Viċi Sindku. Alexiei għamel xogħol importanti f’dan il-Kunsill Lokali u serva b’impenn din il-kariga u fost oħrajn kien wieħed mill-persuni li ħadem biex l-applikazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għat-titlu ta’ Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura 2018 tkun suċċess.

Anke jekk il-perjodu li għad baqa’ f’din il-leġislatura hu qasir wisq, is-Sindku sostna li qed jimpenja ruħu sabiex b’ħidma kollettiva, flimkien ma’ kull Kunsillier, anke dawk tal-Partit Laburista, ikomplu jagħtu lir-residenti Beltin l-aqwa servizz possibbli, kif wara kollox jixraq lin-nies li joqogħdu fil-Belt Kapitali ta’ pajjiżna.

F’dawn l-aħħar ħames snin u nofs, kemm ilu jservi lir-residenti bħala Viċi Sindku, dejjem kien lest biex jgħin lil kulħadd, mingħajr distinzjoni politika, u llum għandu dover akbar biex jagħmel dan b’aktar saħħa u impenn waqt li jassigura l-għaqda fost il-komunità Beltija. Biex dan isir Micallef se jkollu bżonn l-appoġġ ta’ kulħadd, u għalhekk qed iħares biex fl-ewwel terminu tas-Sindakat tiegħu, jikkontribwixxi biex il-Belt Valletta tkompli ssir dejjem aktar Belt tal-Beltin u b’hekk insaħħu l-identità tagħna.