David Wagner ħalla lil Huddersfield bi ftehim reċiproku hekk kif il-klabb jinsab fil-qiegħ tal-Premier League. Il-Ġermaniż ħa t-tmexxija teknika ta’ Huddersfield f’Novembru tal-2015, bil-klabb ibati fiċ-Championship. Hu kien strumentali biex il-klabb salva, kiseb il-promozzjoni għall-Premier League u fl-istaġun li għadda pjuttost b’sorpriża salvaw.
Iżda dan l-istaġun kien differenti għalihom hekk kif b’sensiela ta’ disa’ logħbiet mingħajr rebħa, Huddersfield għandhom biss 11-il punt minn 22 logħba.
“Ma kelli l-ebda intenzjoni li nkeċċi lil David. Hu ta’ raġel li hu, ġie għandna u għamilha ċara li għandu bżonn waqfa mir-rutina iebsa tal-futbol,” qal ic-chairman Dean Hoyle. Hu żied li ddiskutew li jagħmlu din il-bidla immedjata iżda fl-istess ħin Wagner għamilha ċara li kien se jagħti kollox sa tmiem l-istaġun jekk il-klabb ipprefera fis-sajf li jagħmel il-bidla.
L-eks captain ta’ Huddersfield Mark Hudson li kien kowċ ta’ taħt it-23 sena taħt Wagner, se jieħu t-tmexxija tat-tim għall-impenn li jmisshom kontra ċ-champions Manchester City.
//= $special ?>