Sport Sport Ieħor

Federer u Nadal jgħaddu għat-tieni rawnd tal-Open tal-Awstralja

(Ritratt: EPA)

Roger Federer u Rafael Nadal bdew il-mixja tagħhom fl-Open tal-Awstralja b’rebħet biex għaddew għat-tieni rawnd. Federer li qed jiddefendi t-titlu li rebaħ sena ilu, għeleb lil Denis Istomin 6-3, 6-4, 6-4 biex fir-rawnd li jmiss se jilgħab kontra Dan Evans. Is-17-il darba rebbieħ ta’ Grand Slam Rafael Nadal għeleb lil James Duckworth 6-4, 6-3, 7-5.

John Isner sar l-ewwel tennist mill-ewwel għaxra li kien eliminat meta spiċċa megħlub lis-sid numru 97 Reilly Opelka. L-Amerikan li hu s-sid numru disgħa f’Melbourne tilef 7-6, 7-6, 6-7, 7-6 fi ftit aktar minn tliet sigħat. Din ir-rebħa għal Opelka kienet l-ewwel waħda fir-rawnd prinċipali ta’ Grand Slam.

Is-sid numru ħamsa mill-Afrika ta’ Isfel Kevin Anderson ukoll għadda għat-tieni rebħa wara li għeleb 6-3, 5-7, 6-2, 6-1 lill-Franċiż Adrian Mannarino. It-tennist ta’ 32 sena li wasal sar-raba’ rawnd f’Melbourne Park tliet darbiet, kellu 14-il ace iżda għamel 38 unforced errors hekk kif rebaħ f’sagħtejn u 53 minuta. Fir-rawnd li jmiss hu jilgħab kontra l-Amerikan Frances Tiafoe.

Tags