Ambjent Kummerċ Lokali

Il-Gvern jagħti dritt għal reklamazzjoni tal-art fil-Bajja ta’ San Ġorġ

Il-gvern ta’ d-drittijiet kollha lill-Grupp Corinthia f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżvilupp madwar il-Bajja ta’ San Ġorġ kif ukoll permess biex isir bini fuqha – fi kliem sempliċi, permess biex il-baħar jinbidel f’art, u jsir bini fuq l-art li tkun żdiedet bir-reklamazzjoni.

Dawn huma żviluppi ġodda li ġew żvelati minn diversi ġurnali fl-aħħar sigħat, hekk kif qed ikompli jeskala l-iskandlu tal-art li ingħatat mill-Gvern f’San Ġiljan.

Din l-aħħar rivelazzjoni turi kif il-Gvern ta permess ukoll biex il-peninsula f’San Ġiljan tikber, permezz tar-reklamazzjoni tal-art, mad-dawra kollha. Aħbar li ġiet żvelata ftit tal-ġimgħat biss wara li kien propju Net News illi kixef kif il-Gvern beda jaddotta din l-istrateġija li jkun bis-saħħa favur ir-reklamazzjoni, u allura l-pjan li jibda jittiekel il-baħar biex isir art.

Għalkemm fl-abbozz ta’ ftehim hemm din il-possibilta’ għal reklamazzjoni, il-Grupp Corinthia f’komunikat ma’ dan is-sit sostna li m’għandux ħsieb li jsir hekk. Biss, xorta jibqa’ il-fatt li hemm din il-klawżola – xi ħaġa li l-Grupp sejħilha bħala standard f’kuntratti simili.

Dan il-ftehim mal-Grupp Corinthia ġie ffirmat mill-Ministru Konrad Mizzi bħala Ministru responsabbli mit-Turiżmu, u jagħti lil dan il-grupp konċessjoni għal 99 sena għal frazzjoni tal-prezz fis-suq.

Intant fi stqarrija, il-Moviment Graffitti qal illi huwa assolutament kontra dan il-ftehim propost li se jagħti b’rigal biċċa art pubblika għal żvilupp residenzjali u żewġ lukandi. Graffiti saħqu li l-ftehim propost huwa ħażin fih innifsu fuq kull livell.