Is-Sindku ta’ Gdansk, Pawel Adamowicz, miet l-isptar, sigħat wara li hu kien spiċċa aggredit fil-pubbliku waqt avveniment għall-ġbir ta’ fondi għall-karità.
Adamowicz, li kellu 53 sena, spiċċa jaqla’ daqqiet ta’ sikkina meta, nhar il-Ħadd, kien fuq il-palk quddiem mijiet ta’ nies preżenti għall-avveniment. Dritt wara l-attakk hu ddaħħal l-isptar b’urġenza, iżda swew għalxejn l-isforzi biex isalvawlu ħajtu.
Intant, raġel ta’ 27 sena li għandu rekord kriminali qed jinżamm taħt arrest b’konnessjoni ma’ dan l-attakk. Qed jingħad li l-aggressur kien uża dokumentazzjoni tal-media biex jingħata aċċess għall-palk, bil-għan li jwettaq l-attakk fatali.
Filmati tat-televiżjoni wrew il-mumenti drammatiċi fejn is-suspettat – li kien inħeles mill-ħabs fl-aħħar jiem – deher jgħajjat u ixejjer arma f’idu.
Ħareġ ukoll video tal-aggressur qed jaqbad mikrofonu u jgħid lill-pubbliku li hu kien spiċċa l-ħabs ‘mingħajr tort’ fuq id-deċiżjoni tal-eks Gvern Pollakk taċ-ċentru-xellug ‘u fejn kien anki spiċċa ttorturat fiċ-ċella’.
Adamowicz, residenti ta’ Gdansk, kien ilu Sindku tal-belt għal 20 sena.
L-eks Gvern tal-Pjattaforma Ċivika (taċ-ċentru-xellug) kien appoġġja l-aħħar suċċess elettorali ta’ Adamowicz fi Gansk u l-eks Prim Ministru Pollakk Donald Tusk – illum President tal-Kunsill Ewropew u li kien għen fit-twaqqif tal-Pjattaforma Ċivika – kien fost l-ewwel nies li sellmu lill-memorja tas-Sindku wara l-aħbar traġika.
//= $special ?>

