Wara l-vaganzi tal-Milied u l-bidu ta’ sena ġdida, illejla jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament fejn mistenni jibda jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi biex jemenda l-Ordinanza dwar il-Professjoni Medika u l-Professjonijiet li għandhom x’jaqsmu magħha.
L-ewwel abbozzi ta’ liġijiet li mistennija jiġu diskussi fis-seduti ta’ dan ix-xahar jinkludu suġġetti bħall-Patrimonju Kulturali, liġijiet dwar il-ħarsien soċjali b’aċċenn fuq l-interessi tat-tfal, il-kodiċi dwar il-liġijiet tal-Pulizija, abbozz ta’ liġi dwar Zoni Ħielsa f’Malta, abbozz ta’ liġi dwar l-iżvilupp reġjonali ta’ Għawdex u abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar l-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali.
F’kumment li tana, il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li dawn kollha huma liġijiet importanti u l-Oppożizzjoni se tkun qed tagħti sehemha fid-diskussjoni bl-aħjar mod possibbli bi grupp parlamentari ppreparat fuq kull suġġett li jitressaq fl-aġenda.
Hu innota, madankollu, li l-issue tar-riforma tal-Kunsill Lokali ma tiffigurax fost il-prijoritajiet tal-Gvern fil-lista tal-liġijiet diskussi fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. Dan minkejja li l-Kunsilli Lokali għadhom kemm fakkru l-25 sena mit-twaqqif tagħhom. Dan in-nuqqas jikkonferma kemm il-Gvern waqa’ lura anki fil-konklużjoni tal-White Paper fuq l-istess suġġett.
Osservazzjoni oħra minn Robert Cutajar hi dik li l-Gvern, mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni – anzi b’nuqqas ta’ qbil – se jimponi li mill-ġimgħa d-dieħla s-seduti kollha jibdew jiltaqgħu fl-4 ta’ waranofsinhar. S’issa l-Parlament kien qed jitlaqqa’ fl-4pm t-Tlieta u l-Erbgħa, imma issa l-Gvern iddeċieda li jibda jsir hekk nhar ta’ Tnejn ukoll, u dan mit-Tnejn li ġej, 21 ta’ Jannar. Il-Gvern qed jgħid biss li din hi ‘family measure’, li l-Oppożizzjoni – anki fin-nuqqas ta’ konsultazzjoni u qbil magħha – tikkonsidra biss bħala skuża mentri fil-fatt il-Gvern ikollu f’moħħu skopijiet ulterjuri.
Madankollu, l-ikbar prijorità fiċ-ċirkostanzi għall-Oppożizzjoni hi dik li l-Gvern jilqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni u jagħti data għal seduta sħiħa li matulha jkun diskuss il-kuntratt deskritt minn bosta bħala skandaluż li permezz tiegħu l-Gvern se jkun qed jagħti art li tiswa 800 miljun ewro għal 51 miljun biss lil kumpanija privata bla proċess ta’ offerta miftuħa għal kulħadd.
Fid-diskors tiegħu lbieraħ fl-Isla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fakkar kif il-Gvern – waqt il-festi tal-Milied – ipprova jikkonkludi f’ġurnata waħda biss dan il-kuntratt u jgħaddi art li kienet b’ċens jagħlaq u li kellha skop ta’ turiżmu għal waħda li tingħata b’bejgħ bi prezz baxx ferm għal skopijiet ta’ ‘real estate’.
L-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li dan il-kuntratt, li jġib ukoll il-firma tal-Ministru Konrad Mizzi, ikun diskuss f’seduta sħiħa apposta fil-Parlament kemm jista’ jkun malajr.
Fl-aħħar nett il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qalilna li l-Oppożizzjoni b’mod immedjat se tkompli tagħti sehemha wkoll b’dover u impenn assolut fil-kumitati parlamentari.
//= $special ?>