Internazzjonali

Imutu f’tiġrif ta’ ajruplan fl-Iran

Ajruplan ta’ tip Boeing 707 li kien qed jintuża għall-ġarr tal-merkanzija ġġarraf qrib ta’ Tehran, bir-riżulat li mietu 15-il persuna.

Il-Boeing żgiċċa mill-mitjar waqt l-inżul fl-ajruport ta’ Fath, viċin Karaj ( lejn il-Punent tal-kapitali Iranjana) u fejn baqa’ dieħel ġo zona residenzjali. L-inċident seħħ waqt il-maltemp fost rapporti dwar ‘viżibbiltà fqira’.

Kelliema għall-Armata Iranjana qalu li wieħed biss – flight engineer – fost is-16-il persuna salva b’ħajtu, b’dan jinsab rikoverat l-isptar. Il-kelliema kkonfermaw ukoll li ‘l-ajruplan kien tal-Iran’ u li l-persuni kollha abbord kienu ċittadini Iranjan. Aktar tard, xi sorsi qalu li l-ajruplan kien il-proprjetà tal-kumpannija Payam li topera servizzi għall-ġarr ta’ merkanzija għas-servizzi postali, kummerċjali u tat-telekomunikazzjonijiet tal-Iran.

Fl-aħħar sigħat kien hemm il-konferma li l-voice recorder, jew kaxxa sewda, tal-ajruplan instab fis-sit tat-tiġrif. Qabel it-traġedja, l-ajruplan kien qed jittrasporta kunsinna ta’ laħam minn Bishkek, il-kapitali tal-Kyrgyzstan.