Lokali Parlament

Problema kbira ta’ dħul ta’ ilma fil-binja tal-Parlament

Wara kważi erba’ snin mill-inawgurazzjoni, il-binja tal-Parlament Malti għandha problema kbira ta’ dħul ta’ ilma li jidħol kull meta tagħmel ix-xita.

Diversi partijiet mill-binja tal-Parlament fosthom il-blokk fejn hemm il-kamra tad-Deputati, it-taraġ tal-emerġenza kif ukoll il-pjan sotterran, qed ikunu milquta minn ammont kbir ta’ ilma li qed jidħol mit-triq kif ukoll mil-bejt fit-tielet sular kawża ta’ xita qawwija. Dan qed iħalli impatt negattiv fuq il-kostruzzjoni ta’ din il-binja.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-istess bini tal-Parlament, l-Ispeaker Anglu Farrugia sostna li min-naħa tagħhom qed issir il-manutenzjoni kollha meħtieġa sabiex tal-inqas tittaffa ftit il-problema. Ħafna mill-metal u l-azzar diġà beda jissaddad.

Fost problemi oħra li ssemmew hemm dik li t-twieqi u l-bibien li jinsabu f’din il-binja twaħħlu b’mod ħażin.

L-Ispeaker Anglu Farrugia qal li hemm bżonn ta’ soluzzjoni immedjata mill-persuni responsabbli għal din il-problema straordinarja. Farugia semma l-kumpanija GHRC – il-Grand Harbour Regeneration Corporation, bħala l-kumpanija responsabbli għall-bini tal-Parlament. Hu sostna li diġà hemm kawżi kontra xi kuntratturi fil-Qorti.

Din il-binja ġdida tlestiet f’Mejju tal-2015.

Intant, l-Ispeaker tkellem ukoll dwar il-Konferenza 5+5 li se ssir fis-17 ta’ Jannar f’pajjiżna. F’din il-konferenza se jieħdu sehem ħames pajjiżi Ewropej u ħames pajjiżi Għarab fejn se jiġu diskussi diversi temi relatati mal-ħidma Ministerjali kif ukoll dik Parlamentari.