L-Assoċjazzjoni Nazzjonali Maltija tal-Foster Care nediet tliet kotba ġodda għat-tfal, li għandhom l-għan li jikber fosthom l-għarfien dwar il-qasam tal-foster care.
Il-kotba, li jinkludu diversi llustrazzjonijiet, jippreżentaw lit-tfal tliet stejjer li jistgħu jassoċjaw magħhom.
Wieħed mill-kotba jirrakkonta storja ta’ ors li ommu għal xi żmien ma tistax tibqa’ tieħu ħsiebu. It-tieni ktieb hu dwar tifel li jrid jikteb komponiment dwar familtu imma jsibha diffiċli għax mhux jgħix għand il-familja naturali tiegħu, imma jirrealizza li mhux waħdu għaliex tnejn minn sħabu għaddejjin mill-istess sitwazzjoni. Dan waqt li t-tielet ktieb jirrakkonta l-istorja ta’ tifel maqful f’kamartu jittama li l-ħolma li jkun f’familja sseħħ.
Waqt il-preżentazzjoni ta’ dawn il-kotba, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca kkwotat studju li juri li 56% tat-tfal li jiġu fostered ta’ eta’ żgħira jlestu l-istudji tagħhom.
Fid-dawl ta’ dan, appellat lill-Maltin biex jieħdu iktar tfal fi ħdanhom biex iktar tfal jiġu fostered. Innutat li pajjiżi oħra mxew ‘il quddiem u issa aħna wkoll irridu nagħmlu dan il-pass.
Il-kotba huma ko-finanzjati mill-Fond għall-Għaqdiet Volontarji fi ħdan il-Malta Community Chest Fund u se jitqassmu b’xejn fil-klassijiet tar-raba’, il-ħames u s-sitt sena tal-iskejjel kollha tal-primarja f’Malta u Għawdex.
Il-President fissret ruħha onorata u kburija għal dan il-pass li ħadet l-Assoċjazzjoni Nazzjonali Maltija tal-Foster Care, li sejjħitlu pass proattiv biex jikber is-settur tal-fostering f’Malta.
//= $special ?>