Lokali

Tkompli t-tilwima mal-Gvern dwar il-pompi tal-petrol

Il-Ġimgħa li għaddiet il-GRTU wissiet li tista’ tieħu azzjonijiet fil-ġranet li ġejjin wara li l-Gvern kompla jkaxkar saqajh dwar għajnuna lill-pompi tal-petrol. Dan sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ħtiġijiet infrastrutturali rikjesti mill-liġi li jridu jkunu daħlu fis-seħħ sa mhux iktar tard mill-2020.

Fl-isfond ta’ dan, Net News jista’ jikkonferma li l-GRTU se jkollha laqgħa mal-Ministru Joe Mizzi nhar l-Erbgħa sabiex issir pressjoni halli jintlahaq ftehim fuq din il-kwistjoni.

Matul tmiem il-ġimgħa wieħed seta’ jinnota ammont iktar mis-soltu ta’ nies jieħdu l-petrol u d-diesel mill-pompi tal-petrol. Dan bħala prekawzjoni għall-eventwalità li jitħabbar xi strike mill-pompi tal-petrol.

Fi stqarrija, il-GRTU qalet li mhux talli d-diskussjonijiet, li ilhom għaddejjin mill-2014, ma waslu mkien iżda l-Gvern issa qed imur lura fuq dak li kien diġa’ miftiehem sa issa.

Fl-2014, il-GRTU ippreżentat studju dettaljat minn kumpanija indipendenti dwar il-ħtiġijiet ta’ dawn l-operaturi. Iżda filwaqt li saru bosta laqgħat mal-Ministru Joe Mizzi sabiex il-pompi tal-petrol ikollhom l-appoġġ meħtieġ, il-GRTU qalet li jidher li l-Ministru Mizzi qed jilgħab għaż-żmien u qed imur lura fuq progress li diġa’ sar.

Jekk jibqa’ ma jintlaħaqx ftehim, il-GRTU ma teskludix li jista’ jkun hemm xi azzjonijiet mill-operaturi tal-pompi tal-petrol tal-petrol.