Lokali

Urtati għax tkeċċa wieħed minnhom

Nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Diċembru, Charles Azzopardi, is-Sindku Laburista tar-Rabat, ippubblika fuq il-paġna tiegħu tal-Facebook ittra li nbagħtitlu sitt xhur ilu mill-Partit Laburista biex tinfurmah li hu ma kienx qed ikun aċċettat biex jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni tal-kunsilli lokali li jmiss.

Charles Azzopardi qal li hu kien qed iħossu ttradut ….u li kien għadda minn sitt xhur kalvarju.

Hu kellu wkoll kliem ta’ stmerrija lejn min iddeċieda li jħalli kollox għaddej u li ħasel idu. Kliem li ħafna interpretawh li kien jirreferi għall-Mexxej Laburista Joseph Muscat.

B’rispons għal dak li kiteb Charles Azzopardi fuq Facebook, tpoggew mijiet ta’ kummenti minn Laburisti Rabtin u ohra residenti f’inħawi oħra ta’ Malta.

Dak li jolqtok f’dawn il-kummenti kien il-mod skjett kif Laburisti ġenwini jaħsbuha fuq kif qed jitmexxa l-Partit Laburista bħalissa u l-hekk imsejjaħ ‘moviment’ ta’ Joseph Muscat.

Fl-istess post kien hemm kummenti minn dawn l-istess Laburisti fejn qalu li l-Partit Laburista kibritlu rasu, li issa l-Partit Laburista m’għadux tas-soċjalisti, iżda sar biss tas-sinjuri, moviment tal-ħallelin, u li issa qed jaraw ‘l kulħadd dubbien… dan fost il-ħafna kummenti oħra li inkitbu fuq il-media socjali.