Sport Sport Ieħor

Wozniacki tibda tiddefendi l-Open tal-Awstralja b’rebħa kontra van Uytvanck

(Ritratt: EPA)

Caroline Wozniacki bdiet id-difiża tat-titlu fl-Open tal-Awstralja b’rebħa ta’ 6-3, 6-4 kontra l-Belġjana Alison van Uytvanck. Id-Daniża kisret is-service tal-avversarja darba f’kull set biex rebħet f’siegħa u 33 minuta.

Is-sid numru tnejn Angelique Kerber ukoll għaddiet għat-tieni rawnd b’rebħa ta’ 6-2, 6-2 kontra s-Slovena Polona Hercog. Il-Ġermaniża Julia Gorges li rebħet f’Auckland ġimgħa ilu, tilfet 2-6, 7-6, 6-4 kontra l-Amerikana Danielle Collins.

Ir-rebħa ta’ Wozniacki s-sena l-oħra fissret l-ewwel Grand Slam fil-karriera tagħha, iżda kellha problema fiżiċi f’Awwissu. “Kienet emozzjoni speċjali, nieħu pjaċir. Is-sena l-oħra kelli memorji speċjali u li rnexxieli nkun lura fir-Rod Laver Arena hi speċjali,” qalet Wozniacki.

Petra Kvitova li rebħet f’Sydney is-Sibt li għadda, għelbet lil Magdalena Rybarikova 6-3, 6-2. Is-sid numru ħamsa Sloane Stephens għelbet lil Taylor Townsend 6-4, 6-2 filwaqt li Aryna Sabalenka eliminat lil Anna Kalinskaya 6-1, 6-4.