Fi stqarrija bi tweġiba għal rapporti li dehru fl-istampa dan l-aħħar, l-MCAST ikkonferma li xi studenti għadhom ma ħadux l-istipendju, uħud minnhom (1%) għax “għad trid tittieħed deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà tagħhom” u oħrajn (11%) għax skont l-MCAST l-istudenti għadhom ma għaddewx l-informazzjoni addizzjonali mitluba minnhom “u għalhekk id-deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà ma tistax tittieħed.”
Fi kliem qasir, dan ifisser li 1 minn kull 10 studenti fl-MCAST ilu minn Ottubru bi problemi fl-istipendju.
Ġenituri li tkellmu magħna qalulna li t-tfal tagħhom ilhom minn qabel il-Milied li għaddew l-informazzjoni li ġew mitluba mill-Kulleġġ. Iżda sal-lum, din l-applikazzjoni għadha qed tiġi proċessata.
L-MCAST minn naħa tiegħu qed jisħaq li l-istipendju se joħroġ fil-ġurnata skedata tat-28 ta’ Jannar, u dan minkejja li l-attendenzi mhux qed jaslu għand l-amministrazzjoni tal-kulleġġ minħabba direttivi eżistenti.
L-MCAST qal ukoll li wara diversi diskussjonijiet bejn l-MCAST u l-MUT, il-kwistjonijiet li wasslu għad-direttivi qed jiġu indirizzati bil-ħsieb li tittieħed deċiżjoni pożittiva kemm jista’ jkun malajr, biex fost oħrajn il-proċess tal-assessjar jerġa’ lura għan-normal.
Dwar l-arretrati tal-letturi, l-MCAST qal li qed jimxi skont il-qbil li ntlaħaq mal-Union Maltija tal-Għalliema (MUT) f’laqgħa li saret fid-29 ta’ Ottubru dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim kollettiv li ġie ffirmat fis-27 ta’ Lulju 2018. F’din il-laqgħa ġie maqbul li l-arretrati tal-2018 se jinħarġu f’Jannar 2019. F’Diċembru li għadda tħallsu l-arretrati tal-2017.
L-MCAST qal li għad hemm numru ta’ letturi li wara li l-MCAST ikkuntattjahom għadhom ma ġabrux iċ-ċekk tal-arretrati li nħarġu kif stipulat wara l-kjarifiki mal-letturi.
L-MCAST ikkonferma rapporti fil-midja li fejn intqal li l-arretrati tal-2018 se jaslu għand il-letturi sal-aħħar ta’ Jannar, u li l-letturi tal-MCAST se jkunu qed jirċievu l-fondi għar-riżorsi fiż-żmien li ġej wara li l-MCAST u l-MUT qablu dwar il-policy tar-riżorsi.
//= $special ?>