Kważi 40 Kunsill Lokali kkomettew ruħhom li jorganizzaw mill-anqas attività waħda fis-sena b’għoti tad-demm jew biex tinħoloq kuxjenza dwar dan.
Jekk il-ftehim bejn l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u ċ-Ċentru tal-Għoti u t-Trasfużjoni tad-Demm ikun suċċess, hu maħsub li jiżdiedu aktar minn 1,000 borża demm fis-sena.
Dawn jiżdiedu mal-eluf ta’ boroż ta’ demm li jinġabru ta’ kull sena wara l-appelli li jsiru biex bihom jissalvaw għadd ta’ ħajjiet. Fil-fatt, is-sena li għaddiet hu stmat li ngħataw 16,500 borża demm.
Ma’ dawn wieħed irid jgħodd lill-madwar 6,000 persuna oħra li marru jagħtu d-demm, iżda li għal xi raġuni jew oħra ma setgħux jagħtu. L-impenn ta’ dawn hu apprezzat daqs ta’ dawk li jagħtu minħabba l-impenn u anke għax ikunu qed jippromwovu dan l-att ma’ persuni li jafu.
Waqt ċerimonja tal-iffirmar tal-ftehim quddiem id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, kien rikonoxxut l-impenn tal-Kunsilli Lokali li aċċettaw li jipparteċipaw fl-inizjattiva. Min-naħa l-oħra, sar l-appell lill-ftit Kunsilli li għadhom ma aċċettawx biex jagħmlu dan ħalli anke huma jkunu jistgħu jsalvaw il-ħajjiet.
Min jagħti d-demm hu mitlub jieħu miegħu l-Karta tal-Identità, biċ-Ċentru tat-Trasfużjoni u l-Għoti tad-Demm fi Gwardamanġa jiftaħ kuljum – sebat ijiem fil-ġimgħa – bejn it-8am u s-6pm.
//= $special ?>
