Lokali

“Chris Fearne ingħaqad magħna fil-kundanna għall-kuntratt tal-Vitals” Adrian Delia

“Chris Fearne qed jingħaqad magħna fil-kundanna għall-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern u Vitals. Jiena dħalt il-Qorti biex niddefendi l-aħjar interess tal-poplu kif dejjem nagħmel fil-politika”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-ftehim tat-tliet sptarijiet.

Fi stqarrija li ħareġ il-Partit Nazzjoinalista spjega dak li qal Adrian Delia. Hu qal li l-Ministru Konrad Mizzi, li nnegozja l-bejgħ tat-tliet sptarijiet, ġie kkundannat għal darb’oħra mill-Viċi Prim Ministru Chris Fearne. Dan meta Chris Fearne kkonferma mal-midja li se jwaqqaf il-ftehim ta’ Konrad Mizzi, li bih il-kumpanija Technoline kienet ingħatat id-dritt esklussiv tal-procurement għat-tliet sptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Adrian Delia qal li din id-dikjarazzjoni ta’ Chris Fearne hija kundanna oħra fuq Konrad Mizzi, li meta ġab lil Steward kien qal li dawn huma ‘the real thing’.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega li l-Gvern issoltu jixtri servizzi permezz ta’ public procurement, fejn b’mod trasparenti kulħadd ikun jista’ jagħti l-aħjar prezz. Minflok Konrad Mizzi nnegozja biex il-kumpanija Technoline biss tipprovdi s-servizzi lil dawn it-tliet sptarijiet. Shift News żvelaw kif inħolqot struttura li permezz tagħha l-Ministru Konrad Mizzi u Vitals Global Healthcare għaddew il-miljuni mill-flus tal-poplu minn kumpanija għall-oħra f’Dubaj.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni issa ilha tgħid li l-ftehim mal-Vitals sar b’mod li jfalli, għaliex it-tliet sptarijiet ingħataw lil xi ħadd li qatt ma kellux esperjenza fis-settur tas-saħħa, u li ngħata wkoll il-possibbilità li jgħaddi dan il-kuntratt ta’ €2,000 miljun lil ħaddieħor. Shift News irrappurtat ukoll kif Steward ħallsu €1 għall-ishma tal-Vitals u l-konċessjonijiet fuq it-tliet sptarijiet meta s-sidien tal-Vitals ingħataw il-miljuni minn wara dahar il-poplu.

Adrian Delia qal li dalgħodu mar il-Qorti biex jirrappreżenta lin-nies bl-aħjar mod fil-każ li hu fetaħ kontra l-Vitals biex dan il-ftehim jiġi ddikjarat null u t-tliet sptarijiet jingħataw lura lill-poplu. Huwa qal li filwaqt li l-Qorti ddikjarat li din hija kawża ta’ importanza u interess nazzjonali, il-Gvern ipprova jaħbi l-informazzjoni mingħand in-nies u ma riedx li din il-kawża tinstema’ u li tinġieb l-evidenza fil-Qorti. Adrian Delia qal li dak li ġara dalgħodu fil-Qorti u l-kundanna ta’ Chris Fearne fuq Konrad Mizzi huma każijiet ta’ tħassib serju.

Ikkummenta