Sport Sport Ieħor

Djokovic javvanza mingħajr diffikultà

(Ritratt: EPA)

Is-sid numru wieħed Novak Djokovic ftit sabha diffiċli biex javvanza għat-tieni rawnd meta għeleb lill-Amerikan Mitchell Krüger 6-3, 6-2, 6-2. Krüger kiser is-service ta’ Djokovic fit-tielet logħba iżda s-sid numru wieħed iddomina minn hemm biex rebaħ f’sagħtejn u tliet minuti. Fit-tieni rawnd hu jilgħab kontra l-Franċiż Jo-Wilfried Tsonga.

Din ir-rebħa kienet differenti minn kif kien eliminat sena ilu fl-aħħar 16 kontra Chung Hyeon. Hu kien qed ibati wara li weġġa’ l-minkeb u sussegwentament kellu jagħmel operazzjoni li wasslet għal riżultati diżappuntanti, qabel reġa’ sab il-forma biex rebaħ it-tournament ta’ Wimbledon, l-Open tal-Istati Uniti u reġa’ tela’ fil-quċċata tar-rankings.

L-avversarju tiegħu Tsonga kien finalist fl-Open tal-Awstralja tal-2008 hekk kif Djokovic rebaħ l-ewwel mill-14-il Grand Slams li rebaħ sa issa. Tsonga tilef seba’ xhur mis-sena l-oħra minħabba operazzjoni fl-irkoppa u kellu bżonn wildcard biex jidħol fit-tournament.