Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħasel idejh mill-ftehim bejn il-kumpaniji Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare, issa li ġie żvelat li l-konċessjoni ta’ tliet Sptarijiet Pubbliċi għaddiet minn kumpanija għall-oħra għall-prezz ta’ ewro biss. Dan filwaqt li s-sidien veri u li baqgħu moħbija wara l-VGH tħallsu l-miljuni ta’ ewro.
Fearne għażel li jaħrab milli jkun konkret fit-tweġibiet tiegħu minkejja li, meta seħħ il-ftehim, kien qal li dan hu “The Real Deal” b’messaġġ indirett fil-konfront tal-Ministru ta’ qablu, Konrad Mizzi, u l-mod kif tal-Vitals ingħataw il-konċessjoni tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Iżda issa, wara dak żvelat minn The Shift News, il-Ministru tas-Saħħa ħasel idejh billi qal li għaddejjin l-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għax qal li ma kienx parti min-negozjati privati.
Fis-sigħat li għaddew, is-sit elettroniku The Shift News beda jiżvela diversi dettalji inklużi fil-ftehim bejn Vitals u Steward, minkejja li l-Gvern għażel li jibqa’ jżomm dan il-ftehim sigriet. Spikka l-mod kif ta’ Steward ħallsu biss ewro wieħed biex jixtru l-ishma tal-kumpanija Vitals.
Mistoqsi direttament jekk jaħsibx li hemm xi ħaġa ħażina – ladarba kkonferma li hu stess talab lill-Awditur Ġenerali jinvestiga – id-Deputat Prim Ministru għażel li ma jweġibx, tant li telaq minn quddiem il-Ġurnalisti.
Min-naħa l-oħra, mistoqsi fejn marru l-miljuni ta’ ewro li l-Gvern ta lill-Vitals u lil Steward, il-Ministru tas-Saħħa qal li l-ħlas mill-Gvern dejjem sar b’mod trasparenti u d-dettalji dwar dan bħalissa jinsabu għand l-Awditur Ġenerali.
//= $special ?>