Futbol Sport

Harry Kane madwar xahar u nofs barra mill-azzjoni

(Ritratt: EPA)

Tottenham rċevew aħbar ħażina hekk kif Harry Kane se jitlef il-logħbiet sa Marzu minħabba li weġġa’ l-għaksa. Testijiet li saru żvelaw li l-captain tat-tim Ingliż għandu problemi fil-ligamenti tal-għaksa xellugija wara dwell ma’ Phil Jones u Victor Lindelof sekondi qabel tmiem il-logħba tal-Ħadd kontra Manchester United.

Kane ħareġ izappap mill-pitch, bil-manager ta’ Tottenham Mauricio Pochettino wera t-tħassib tiegħu wara l-logħba, hek kif Heung-Min Son ħalla lit-tim biex jikkompeti fit-Tazza Asjatika. L-istaff mediku tal-klabb se jkompli jsegwi lil Kane hekk kif jibda r-rijabilitazzjoni, iżda mhux mistenni li jirritorna għat-taħriġ sal-ewwel jiem ta’ Marzu.

L-attakkant se jitlef it-tieni leg tas-semifinali tal-League Cup kontra Chelsea fl-24 ta’ Jannar, u jekk jgħaddu l-finali xahar wara. Hu mistenni jitlef ukoll iż-żewġ logħbiet mill-aħħar 16 tal-UEFA Champions League kontra Borussia Dortmund.

B’hekk l-unika attakkant għad-dispożizzjoni ta’ Tottenham hu Fernando Llorente, wara li Pochettin kien iddikjara li Vincent Janssen mhux parti mill-pjanijiet tiegħu.