“L-ewwel prijorità tagħna bħala Ewropej għandha tkun li nsalvaw il-ħajjiet. Il-kriżi tal-immigrazzjoni m’għandhiex taqa’ fuq gżejjer bħal Malta waħedhom. Għandna bżonn ta’ mekkaniżmi konkreti u ma naġixxux fuq bażi ta’ każ b’każ.” Zammit Dimech għamel dawn ir-rimarki fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu waqt dibattitu dwar ir-riforma tal-politika tal-UE dwar l-ażil u l-immigrazzjoni fid-dawl tal-kriżi umanitarja kontinwa fil-Mediterran u l-Afrika.
“Our first priority as Europeans 🇪🇺 should be to save lives. #Migration crisis should not be shouldered by islands such as #Malta 🇲🇹 on their own. We need concrete mechanisms and not act on a case by case basis.”
Watch MEP @FrancisZD speaking at the @Europarl_EN in #Strasbourg. pic.twitter.com/z4mQyvI31P
— EPP_MT 🇲🇹 (@EPP_MT) January 15, 2019
Zammit Dimech qal li 49 migrant, inkluż 5 tfal, tħallew għal kważi tliet ġimgħat abbord żewġ dgħajjes. Huwa qal li filwaqt li l-istatistiċi juru li l-immigrazzjoni qed tonqos, sitwazzjonijiet bħal dawn qed jinħolqu minn żmien għal żmien. Huwa qal li huma nies bħalna li qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi. B’referenza għall-kampanja Let Me In li dehret fuq il-midja soċjali, huwa saqsa jekk hux verament qed inħaddnu l-valuri Ewropej tas-solidarjetà u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem.
Ġej f’Malta l-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-immigrazzjoni
Meta ndirizza l-Parlament Ewropew, Dimitris Avramopoulos, il-Kummissarju għall-Immigrazzjoni qal “Ċerti attitudnijiet politiċi ma nbidlux. Ejja ma nqarqux bina nfusna. Li jkollok dgħajsa fuq il-baħar b’nies abbord għal kważi 3 ġimgħat mhuwiex dak li tissimbolizza l-UE. L-UE hija dwar il-valuri umani u s-solidarjetà u aħna rridu nżommu dawn il-valuri.” Huwa żied li qed jippjana li jżur Malta fil-ġimgħat li ġejjin.
Zammit Dimech irringrazzja lill-Kummissarju Avramopoulos talli faħħar lil Malta għas-solidarjetà murija u żied li l-Kummissarju se jkun milqugħ meta se jerġa’ jżur Malta fil-futur qarib. Huwa qabel mal-Kummissarju li issa hu f’idejn il-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE li jiffinalizzaw ir-riforma tas-sitwazzjoni tal-ażil. Dak li għandna bżonn huwa soluzzjoni sostenibbli u permanenti u mhux waħda li tiġi ttrattata fi kriżi fuq bażi ta’ każ b’każ.
Zammit Dimech qal li sitwazzjonijiet bħal dawn kienu qed iwasslu għal tensjonijiet bejn l-Istati Membri. Il-pajjiżi qablu li jieħdu l-immigranti fuq bażi ta’ każ b’każ. “Għandna bżonn ta’ mekkaniżmu konkret u politika soda dwar l-ażil li biha l-Istati Membri kollha juru solidarjetà ma’ xulxin u mal-bnedmin u mhux biss fi kriżi. Din hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri kollha u mhux tal-gżejjer żgħar li jinsabu fir-rotta tal-immigrazzjoni. Ma nistgħux nipprokastinaw aktar.”
Hemm bżonn aktar investiment fl-Afrika – Zammit Dimech
Zammit Dimech, membru tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, qal li l-UE kellha tinvesti aktar fl-Afrika biex tiżgura li l-Afrikani ikollhom futur f’pajjiżhom aktar milli jirriskjaw ħajjithom biex jgħaddu għall-Ewropa. Huwa qal li dan kien ukoll fl-interess tagħna stess. “Għandna bżonn niżguraw rotot sikuri u legali għall-immigranti biex nindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin,” żied jgħid.
Dawk li m’għandhomx id-dritt li jkunu fl-Ewropa jeħtieġ li jiġu ritornati u hemm bżonn ta’ aktar investiment f’dan ir-rigward. Jekk nagħmlu hekk inkunu nistgħu ngħinu lil dawk li verament għandhom bżonn l-għajnuna u l-appoġġ tagħna, qal Zammit Dimech. Hemm bżonn ta’ aktar investiment biex jiġu jissaħħu l-fruntieri tal-UE li jipprovdu aktar riżorsi, inkluż ajruplani u bastimenti biex jassistu lil dawk kollha involuti f’din l-isfida. “Dan huwa kruċjali biex niżguraw is-sigurtà tagħna u tal-immigranti. M’għandux ikun ix-xogħol tal-NGOs li jġorru l-immigranti. Dawn huma l-politiki li għandna bżonn u mhux niddiskutu fuq min hu responsabbli għal liema dgħajsa jew min se jieħu kemm immigranti”, żied Zammit Dimech.
Zammit Dimech temm id-diskors tiegħu billi appella lil kulħadd biex ma jippermettix lill-populisti u l-estremisti jinfluwenza lilhom u l-aġenda tal-migrazzjoni. “Ejjew ma nħallux lil xi ħadd ixerred il-mibegħda, ejjew ma ninsewx il-valur tas-solidarjetà li rridu nżommu bejnietna bħala Ewropej u anke ma’ pajjiżi terzi.”
//= $special ?>