F’kollegament waqt il-programm radjofoniku Replay Ikompli fuq Net FM, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti ċċara d-diskussjoni li saret riċentament fil-media lokali dwar id-dħul u l-użu tal-Video Assistant Referees magħrufa bħala l-VAR f’pajjiżna.
Il-Ħadd, xi uffiċjali kienu preżenti fl-OB Unit fejn kienu qed jixxandru l-logħbiet mill-Kampjonat Premier Balzan v Birkirkara u Valletta v Sliema Wanderers. Dan mingħajr ma kellhom kuntatt mal-uffiċjali tal-logħba. “Dan hu proġett speċifikament u esklussivament immirat lejn l-iżvilupp u t-taħriġ tar-referees. Ma nkunux korretti li ngħidu li se tiddaħħal il-VAR f’Malta,” qal Chetcuti waqt Replay Ikompli.
Is-Segretarju Ġenerali qal li din kienet inizjattiva tar-Referees Department biex jassigura li r-referees ikollhom it-taħriġ neċessarju biex ikunu aġġornati mal-aħħar teknoloġija fil-futbol biex b’hekk ikunu esposti għat-tħaddim tal-VAR u r-referees tal-FIFA Maltin ikun jista’ jkollhom l-aħjar appuntamenti internazzjonali possibbli.
Mistoqsi dwar il-possibbiltà li l-użu tal-VAR jidħol fil-Kampjonat Premier, Angelo Chetcuti qal li għalissa ma hemm l-ebda data stipulata u lanqas il-ħsieb li ssir fuq dak il-livell, minħabba li hu meħtieġ riżorsi u diskussjoni ħafna akbar. Hu saħaq li għalissa hu kuntent b’din l-inizjattiva u sostna li għalissa aħjar titħalla hekk.
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, sar seminar ta’ jumejn biex ir-referees lokali jibda jkollhom konoxxenza ma’ kif taħdem is-sistema.
//= $special ?>