Futbol Sport

Petr Cech iħabbar li se jirtira fit-tmiem l-istaġun

(Ritratt: Getty Images)

Il-gowlkiper ta’ Arsenal Petr Cech ħabbar li se jirtira fi tmiem l-istaġun. Hu ħabbar dan fuq il-profil tiegħu fuq twitter. Cech li għandu 36 sena rebaħ diversi unuri fil-karriera tiegħu fosthom erba’ darbiet il-Premier League u ċ-Champions League ma’ Chelsea.

Fuq il-profil tiegħu, Cech qal li dan hu l-20 staġun tiegħu bħala professjonali u għalhekk iħoss li hu ż-żmien opportun li jirtira fi tmiem l-istaġun. Hu ilu jilgħab fil-Premier League għal 15-il sena fejn rebaħ kull unur possibbli fil-futbol Ingliż u jħossu li kiseb dak kollu li kien ippjana għalihom biex jikseb.

Cech kompla li se jkompli jaħdem iebes ma’ Arsenal bit-tama li jirbaħ unur ieħor dan l-istaġun. Il-gowlkiper kien ingħaqad ma’ Chelsea fis-sajf tal-2004 mingħand Rennes. Hu għamel id-debutt fil-Premier League fir-rebħa ta’ 1-0 fuq Manchester United, f’dik li kienet l-ewwel logħba fit-tmexxija ta’ Chelsea għal Josè Mourinho.

Mat-tim minn Londra hu sar wieħed mil-leġġendi tal-klabb u magħhom lagħab 494 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha. Fis-sajf tal-2015, Cech ingħaqad ma’ Arsenal u lagħab aktar minn 100 logħba u rebaħ l-FA Cup fl-2017.

Hu kien regolari anki f’dan l-istaġun iżda tilef postu wara li weġġa’ u kemm ilu li rritorna lagħab biss fil-kompetizzjonijiet l-oħra. Inċidentalment, Arsenal imorru fi Stamford Bridge biex jilagħbu kontra Chelsea s-Sibt li ġej u b’hekk il-partitarji ta’ Chelsea għandhom l-opportunità li jsellmu lill-plejer li għamel l-istorja magħhom.

Cech kien diġà rtira mit-tim nazzjonali tar-Repubblika Ċeka fejn hu l-aktar plejer li lagħab ma’ pajjiżu b’total ta’ 124 logħba.

Tags