Lokali Qorti

Tkompli l-kawża tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-kuntratt tal-Vitals

Dalgħodu quddiem il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi kompliet il-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex tliet sptarijiet li l-Gvern ta lill-Vitals, flimkien ma miljuni ta’ Ewro u li eventwalment għaddew f’idejn Steward Healthcare, jerġgħu lura għand il-poplu.

Tul is-seduta l-Avukati tal-Gvern qalu li dan tas-saħħa huwa settur sensittiv u għamlu l-argument li peress li din hija kawża bla preċedent u peress li m’hemm l-ebda tip ta’ gwida, il-prudenza titlob li dan l-appell jaqa’. Argument li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kkumenta fuqu wara s-seduta fejn qal li hi propja din is-sensittività tas-settur li tagħmel din il-kawża aktar importanti.

Mistoqsi l-Oppożizzjoni kif beħsiebha tibqa tiġġieled il-ħtif minn naħa tal-Gvern ta’ dak li hu tal-poplu Malti, hu qal li l-Oppożizzjoni mhu se tieqaf qatt tiddefendi dak li hu tal-poplu Malti.