Lokali

AĠĠORNATA: “It-Triq saret kalamita għall-inċidenti” – Taljan isofri ġrieħi gravi f’Għajnsielem

Sewwieq ta’ mutur qed isofri ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem.

Il-każ seħħ it-Tlieta filgħaxija għall-ħabta tat-8pm, hekk kif għal xi raġuni l-mutur misjuq minn raġel Taljan ta’ 36 sena residenti x-Xewkija ntlaqat minn vettura tat-tip Opel Corsa misjuqa minn mara ta’ 67 sena residenti Għajnsielem li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta.

Filwaqt li t-triq ingħalqet għal xi ħin, fil-post ġie msejjaħ minnufih tim mediku b’ambulanza li ħadu lis-sewwieq tal-mutur l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal aktar kura.

Dan kien minn tal-anqas it-tmien inċident f’perijodu ta’ sena fl-istess triq, u t-tielet wieħed f’temp ta’ ġimagħtejn.

Persuni li tkellmu magħna spjegaw li għamlu rapporti ripetuti dwar il-perikli f’din it-triq, u bosta drabi anke l-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem għamel pressjoni fuq dan.

F’kummenti fuq il-midja soċjali l-Viċu Sindku tal-istess lokal Kevin Cauchi appella għal azzjoni mill-aktar fis. Kummenti simili saru anke mis-Sindku Franco Ciangura, waqt il-programm Net Live.

Fl-istess post numru ta’ Għawdxin kritikaw in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern u minn Transport Malta.

Kummenti partikolari qalu li n-nuqqas ta’ azzjoni qed iqisuha qisha inkeja.. meta fir-realtà dejjem ikun hemm involuti ħajjet in-nies.

Numru ta’ Għajnsilmiżi li għamlu kuntatt magħna qalu li din it-triq li taqsam lil Għajnsielem, ħafna nies jinżlu minnha bl-għaġġla biex jilħqu l-vapur… Oħrajn qalu li hemm bżonn bollards tal-plastik biex sewwieqa ma jabbużawx.

Persuna partikolari qalilna li Tranport Malta nsiet lil Għawdex, u li dan anki jidher miż-żebgħa li hemm fit-toroq, li fl-opinjoni tal-ħafna hija l-aktar waħda irħisa u li wara ħalba xita, din issir tiżloq. L-istess persuna qalilna li kien hemm zebra-crossing li kienet tqaċċtet f’inċident li kien sar fi Frar li għadda, u t-toqba ta’ fejn suppost hemm dan l-arblu, għadha vojta, bil-periklu li n-nies ikorru.

Minkejja dawn l-incidenti ripetitu, sa issa għadu ma sar xejn.

 

Inċident li kien sar fi Frar li għadda.