Lokali

Determinat li nbiddel biex noqorbu lejn in-nies – Adrian Delia fuq Dissett

Dħalt fil-politika u fil-Partit Nazzjonalista biex inwettaq bidliet u bidliet drastiċi…. u determinat li nagħmel dan.

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, meta l-Erbgħa kien mistieden fil-programm Dissett, fuq l-istazzjon nazzjonali.

3.30: Il-mod kif nagħmlu l-politika, li jien ridt u ridt b’saħħa tant li kienet tema prinċipali tal-kampanja elettorali tiegħi, tal-mod ġdid, li l-politika tagħna nagħmluha minn isfel għal fuq billi nisimgħu lin-nies, nagħtu każ x’jgħinu u niffurmaw il-politika dwar dan.”

Adrian Delia qal li dawn il-bidliet wasslu għal reżistenza, imma hu determinat li l-bidla tkompli, b’mod ġdid ta’ tmexxija, għax jemmen li b’dan il-mod jista’ jqarreb lill-partit lejn il-bżonnijiet tan-nies.

Iddikjara li huma ħafna dawk li qed jifhmu dan il-bżonn, tant li internament l-appoġġ lejn Adrian Delia żdied.

Adrian Delia tenna li hu se jibqa’ kommess li jagħmel bidla drastika u rivoluzzjonarja fil-Partit Nazzjonalista.

Mistoqsi jekk jibżax mill-elezzjonijiet ta’ Mejju, fl-isfond tal-attakki li saru fil-konfront tiegħu, Adrian Delia qal li hu se jidħol għal din l-isfida b’konvinzjoni.

Adrian Delia ddikjara wkoll li jekk fil-Partit Nazzjonalista hemm min iħoss li ma għandux jibqa’ jaqdi is-servizz tiegħu, għandu kull dover li jimxi mal-istatut tal-partit.

Adrian Delia mill-ġdid insista li minkejja kull sfida jew problema personali, baqa’ jaqdi d-dmir tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Fost oħrajn it-Tlieta Adrian Delia kompla jiddefendi l-aħjar interess tal-poplu f’kawża li fetaħ hu stess kontra l-bejgħ tat-tliet sptarijiet Maltin mill-Ministru Konrad Mizzi.