Sport Sport Ieħor

Gianluca Dingli nominat bħala sewwieq uffiċjali ma’ GP Racing Karts

Is-sewwieq Malti tal-Karting Gianluca Dingli ġie nnominat sewwieq uffiċjali ma’ GP Karts. Matul is-snin GP Racing ħolqot fost l-aqwa chassis tal-karting li huma popolari mad-dinja kollha. GP Karts twaqqfet fl-1995 mill-pijunier tal-karting internazzjonali Beppe Cavaciuti.

Dingli jipparteċipa regolarment fi tlielaq internazzjonali u spiċċa t-tielet fil-Kampjonat Taljan f’Adria u fis-sitt post fir-Rok Cup International World Finals f’Lonato li jinsab fil-Lombardia fin-naħa ta’ fuq tal-Italja.

Wara xi testijiet uffiċjali li saru f’Diċembru, kemm il-fundatur u proprjetarju tal-GP Karting Beppe Cavaciuti kif ukoll Matteo Zanchi li hu l-manager ta’ Dingli, kienu sodisfatti bil-prestazzjoni taż-żagħżugħ. B’hekk hu kien nominat bħala sewwieq u kollaboratur uffiċjali fl-iżvilupp tal-karts għall-istaġun li ġej fl-Italja.

Dan l-impenn hu mistenni jżomm lil Dingli attiv kif ukoll fl-aqwa forma tiegħu b’diversi tlielaq madwar l-Italja kollha.