Għawdex Lokali Qorti

Ġlieda fuq tfajla tintemm bi twiddiba u ċanfira

Il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex illiberat tliet żgħażagħ Għawdxin fuq ġlieda li seħħet fis-sajf li għadda f’Marsalforn. Il-ġlieda saret fuq tfajla li nzertat kienet fi grupp li ma kienx jippartjeni grupp ieħor li kien fl-inħawi dak il-ħin. L-Għawdxin instabu ħatja biss li ħebbew għal individwu, mingħajr ma kkaġunawlu ġrieħi. Fuq dan il-punt huma ingħataw twiddiba u ċanfira.

Zaghzugh mix-Xewkija u tnejn mir-Rabat ma nstabux ħatja mill-Maġistrat Joe Mifsud li għall-ħabta ta’ nofs-il-lejl fil-parkeġġ ta’ Marsalforn, kisru l-ordni pubblika b’għajjat u ġlied. Dawn ma nstabux ħatja li ħebbew għal tlieta ohra u kkagunawlhom offiża ta’ natura ħafifa.

L-inċident seħħ biswit il-Gnien ta’ Tliet Għoljiet fejn kien hemm argumenti bejn żewġ gruppi ta’ persuni. Fattur komuni fiz-żewġ inċidenti li wieħed mill-persuni nvoluti kien joħroġ ma’ tfajla mill-grupp l-ieħor.

Minn eżami tal-provi l-Qorti qalet li ma ssib l-ebda raġuni biex issib ħtija fil-konfront tal-impupati.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li qed tieħu l-opportunita’ biex tfakkar li relazzjonijiet amorużi jibdew, hemm minnhom ikomplu fit-tul għax ikunu mibnija fuq sisien sodi u hemm oħrajn li jkunu mibnija fuq it-tafal u ma jtawlux. Kulħadd għandu dritt jidħol f’relazzjoni bl-istess dritt li joħroġ minnha.

Hemm min dan l-istat ta’ fatt ma jaċċettahx u nispiċċaw b’konsegwenzi, ġieli anke serji ħafna li jwasslu għal ħafna uġigħ għaliex kif jingħad mill-kantant Mike Spiteri “fejn tħobb il-qalb jimxu r-riġlejn”.

Li ma tippermettix, qalet il-Qorti hu li jkollna każijiet li jispiċċaw jidħlu fihom persuni barranin u kif jgħid il-Malti persuna tispiċċa tidħol bejn il-basla u qoxritha, kultant b’konsegwenzi serji. Il-Qrati tagħna m’għandhomx jispiċċaw klassi tan-nuna li jippruvaw isolvu problemi bħal dawn.

Huma l-partijiet involuti li għandhom isibu soluzzjoni u mhux jaħlu l-ħin tal-pulizija u tal-Qrati b’dawn issitwazzjonijiet. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.