Futbol Sport

Gowl ta’ Cristiano Ronaldo jagħti s-Supercoppa Italiana lil Juventus

Gowl mas-siegħa logħob ta’ Cristiano Ronaldo kien id-differenza fil-logħba hekk kif Juventus rebħu s-Supercoppa Italiana għat-tmien darba wara li għelbu lil Milan 1-0, f’logħba li ntlagħbet f’Jeddah fl-Arabja Sawdija. Il-Bianconeri kellhom ħafna mill-pussess fil-logħba iżda ma kinitx faċli għalihom biex jinfdu lid-difiża ta’ Milan li kkontrollat tajjeb għal ħafna ħin.

Il-logħba kienet karatterizzata wkoll minn diversi deċiżjonijiet tar-referee Luca Banti hekk kif Juventus kellhom żewġ gowls imħassra għal offside ċari, filwaqt li ż-żewġ timijiet ipprotestaw għal penalty fit-tieni taqsima. Fl-54 minuta Juventus appellaw għal penalty meta kross ta’ Cristiano Ronaldo deher ikun imwaqqaf minn id Cristian Zapata filwaqt li fit-88 minuta Milan ipprotestaw għal fawl ta’ Emre Can fuq Andrea Conti iżda r-referee Banti ħalla l-logħob għaddej.

Juventus marru viċin li jiftħu l-iskor wara erba’ minuti b’xutt ta’ Douglas Costa mil-lemin li għadda ftit barra u fis-17-il minuta Joao Cancelo mar viċin b’xutt fil-baxx. It-tim ta’ Allegri mar qrib il-gowl fit-43 minuta bi kross mix-xellug ta’ Douglas Costa jsib lil Cristiano Ronaldo li prova b’mossa akrobatika iżda t-tentattiv spiċċa fuq il-lasta.

Milan fetħu tajjeb it-tieni taqsima u fit-48 minuta laqtu l-lasta b’xutt b’saħħtu ta’ Patrick Cutrone jaħbat mal-mimduda. Juventus fetħu l-iskor fil-61 minuta. Miralem Pjanic pinġa kross perfett lejn CRISTIANO RONALDO li żmarka ruħu biex f’pożizzjoni dubjuża għeleb lil Gianluigi Donnarumma b’daqqa ta’ ras mill-viċin.

Gennaro Gattuso daħħal lil Gonzalo Higuain u Fabio Borini biex ikun aktar offensiv iżda erba’ minuti wara Milan sfaw jilagħbu b’raġel anqas meta wara konsultazzjoni mal-VAR keċċa b’karta ħamra diretta lil Franck Kessie għal fawl fuq Emre Can.