Internazzjonali

Ifalli l-vot ta’ sfiduċja fil-konfront ta’ Theresa May

Il-Gvern ta' May jsalva l-vot ta' sfiduċja - Il-Prim Ministru Brittaniku se tkompli taħdem biex toħroġ lir-Renju Unit mill-UE

Falla t-tentattiv tal-Partit Laburista fir-Renju Unit f’vot ta’ sfiduċja fil-konfront ta’ Theresa May. It-Tlieta Jeremy Corbyn, il-Kap tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, ressaq vot ta’ sfiduċja fil-konfront tal-Prim Ministru Theresa May, dan wara li tilfet vot kruċjali fil-Parlament dwar il-ftehim mal-Unjoni Ewropea dwar il-Brexit.

325 Membru Parlamentari Brittaniku appoġġjaw lil May u 306 Membru Parlamentari qablu mal-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-konfront ta’ May. Il-Prim Ministru tar-Renju Unit irnexxiela tirbaħ mill-ġdid l-appoġġ fil-konfront tagħha tal-Membri Parlamentari Konservattivi ribelli u dawk tad-DUP li l-ġurnata ta’ qabel ivvotaw kontra l-pjan tagħha dwar il-Brexit. F’dan il-vot huma vvutaw biex May tibqa’ Prim Ministru.

Akkost dan il-vot, il-Prim Ministru Brittaniku għadha qed tfittex l-appoġġ tal-grupp Parlamentari dwar il-Brexit.

F’konferenza tal-aħbarijiet tard l-Erbgħa filgħaxija f’10, Downing Street, Theresa May saħħqet li se tkun leali lejn il-verdett tal-poplu li jwassal lir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, mingħajr ma għamlet referenza għall-ispekulazzjoni li jissejjaħ mill-ġdid referendum ieħor dwar il-qbil milħuq. Fid-dawl tal-appoġġ li kiseb il-Gvern Ingliż fil-Parlament, minn għada, uffiċjali għolja tal-istess Gvern se jiltaqgħu mad-deputati parlamentari mill-ispettru politiku kollu biex jintlaħaq kunsens u flimkien, ifasslu t-triq ‘il quddiem.

Dwar dan aktar kmieni matul il-jum, l-eks Prim Ministru Ingliż David Cameron qal li ma jiddispjaċihx li sejjaħ referendum dwar is-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea.

Mal-BBC Cameron qal kienet wiegħda li għamel hu sentejn qabel fil-kampanja elettorali Ingliża tal-2015 fejn qal li din il-wiegħda ta’ referendum kienet inkluża fil-manifest elettorali tal-Partit Konservettiv Ingliż u r-referendum kien ġie ratifikat fil-Parlament b’sitta minn kull seba’ membri tal-Parlament Ingliż jivvutaw favurih.

Ir-Renju Unit suppost kellu jħalli l-UE fid-29 ta’ Marzu li ġej…. imma bħal kollox f’din il-ġrajja, ħadd ma jista’ jgħid x’se jiġri eżattament.

Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, qal li fiċ-ċirkustanzi l-aħjar ħaġa kienet li r-Renju Unit jibqa’ membru u ma jitlaq xejn.

Michel Barnier, in-negozjatur tal-Kummissjoni Ewropea għall-Brexit, qal li l-ballun kien f’idejn ir-Renju Unit dwar x’inhu l-pass li jmiss. Dan peress li l-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li dak kien l-unika deal li seta jsir magħha rigward Brexit – jekk ma kienx se jkun dan il-ftehim allura r-Renju Unit kien se jispiċċa jitlaq minn membru mingħajr ftehim u bil-kaos kollu li dan iġib miegħu.