Lokali Parlament

Il-Gvern qed idgħajjef il-protezzjoni għall-wirt kulturali quddiem l-iżvilupp

– Therese Comodini Cachia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li l-Gvern qed idgħajjef il-protezzjoni għall-wirt kulturali quddiem l-iżvilupp.

Fil-parlament Therese Comodini Cachia qalet li l-gvern qed jakkwista kontroll fuq is-Sovvrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-NGOs. Il-politika tal-gvern fil-kultura hi mimlija kontradizzjonijiet fejn għandu nuqqas ta’ fiduċja fil-professjonisti li jaħdmu fis-settur. Din il-liġi tmur anki kontra l-kunċetti tal-UE fis-settur tal-kultura. Il-Gvern mar għall-kontroll totali għall-entitajiet fis-settur.

L-abbozz ma jsaħħaħx is-Sovvrintendenza tal-Wirt Kulturali, li għandha r-rwol li tipproteġi l-patrimonju kulturali mis-saħħa tal-Awtorità tal-Ippjanar. Wara li dan il-gvern dgħajjef il-protezzjoni tal-ambjent quddiem l-iżvilupp, issa l-interessi tal-patrimonju nazzjonali saru sekondarju għall-iżvilupp. Dan minflok ħoloq bilanċ.

Hi semmiet il-Kumitat tal-Garanzija u qalet li l-kompożizzjoni tal-Kumitat m’hix favur il-ħarsien tal-patrimonju nazzjonali fejn disa’ minn 13-il membru huma maħtura direttament mill-gvern. Is-Sovvritendent mhux membru tal-Kunsill iżda jissejjaħ biss biex jipparteċipa bħala osservatur u jkun kompletament waħdu quddiem ħames membri tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-gvern ma jridx jagħti ċans lill-patrimonju nazzjonali u se jkompli jħaffef it-telfien ta’ iktar patrimonju nazzjonali. Is-Sovvrintendenza għandha responsabbiltà kbira kemm lejn il-pajjiż u anki lejn il-poplu iżda l-Gvern jagħti valur żgħir wisq lill-patrimonju nazzjonali.

Għandu jkollna struttura b’saħħitha dwar il-wirt nazzjonali, fuq l-istess livell tal-ERA. Dan il-gvern ġab lis-Sovvrintendenza f’sitwazzjoni li ma tistax tagħmel xogħlha. Għall-gvern, l-ewwel jiġi l-iżvilupp. Il-parlament għandu jagħti messaġġ ċar lis-soċjetà fejn is-Sovvrintendenza tingħata vuċi soda bir-riżorsi meħtieġa iżda l-Gvern jibqa’ jirrifjuta li jagħmel dan l-investiment politiku. Hi staqsiet minn fejn se jiġu l-fondi għall-Heritage Fund u dwar it-tneħħija tal-Bord tal-Appell.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar ir-rikonoxximent tar-restawraturi biex ikun garantit li x-xogħol isir minn min hu kapaċi.

Dwar l-NGOs, Comodini Cachia qalet li l-Ministru Bonnici jrid li kull assoċjazzjoni tirreġistra mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji u biex titkellem dwar il-patrimonju kulturali trid titlob il-permezz tal-Ministru Bonnici u wara titlob għall-akkreditazzjoni fis-soċjetà.

Hu pass tajjeb li l-wirt ta’ taħt il-baħar jkun rikonoxxut legalment iżda fl-istess waqt il-gvern qed jipproponi riklamazzjoni tal-art. Dwar il-Belt, hi qalet li l-wirt kulturali fil-Belt ma jseħħx għax jinfetħu ħafna kaffetteriji u jsiru street parties.