Internazzjonali

Jintemm l-assedju ta’ Nairobi

Il-President tal-Kenya President Uhuru Kenyatta ħabbar li l-attakk u l-assedju f’lukanda lussuża fil-kapitali Nairobi kien intemm.

Uffiċjali kienu ddikjaraw li l-attakk kien intemm sigħat wara li beda t-Tlieta imma sal-Erbgħa filgħodu fil-kumpless turistiku DusitD2, fejn hemm 101 kamra tal-lukanda kif ukoll diversi restoranti u ħwienet, kien għadd hemm sparaturi u splużjonijiet. Sorsi qalu li sal-Erbgħa filgħodu kien għad hemm żewġ terroristi li kienu qed jirreżistu fil-bini.

Il-grupp militanti Iżlamiku bbażat fis-Somalja, l-al-Shabab, ħa r-responsabbiltà għal dan l-attakk imma s’issa mhux magħruf kemm kienu t-terroristi li attakkaw il-post. Kien hemm tal-anqas terrorist wieħed li sploda lilu nnifsu fl-attakk.

Hemm ftit ta’ nuqqas ta’ qbil dwar kemm kien hemm vittmi. Il-President Kenyatta qal li kienu 14 imma s-Salib l-Aħmar ħabbar li kienu 24 persuna. Fost il-mejta hemm xi barranin, fosthom Amerikan u Ingliż.