Futbol Sport

Juventus u Milan ifittxu t-tmien suċċess fis-Supercoppa Italiana

Illum fis-6.30pm f’Jeddah fl-Arabja Sawdija tintlagħab il-finali tas-Supercoppa Italiana bejn iċ-champions Taljani u rebbieħa tal-Coppa Italia Juventus u l-finalisti tal-Coppa Italia Milan.

Juventus jibdew favoriti li jirbħu l-kompetizzjoni għal rekord tmien darba filwaqt li Milan jittamaw li jirrepetu s-suċċess li kellhom żewġ edizzjonijiet ilu meta kienu għelbu lill-istess Juventus bl-għoti tal-penalties.

Il-kwalità ta’ Juventus hi evidenti li superjuri minn ta’ Milan, iżda kif qal fil-konferenza stampa l-kowċ ta’ Juventus Massimiliano Allegri f’dawn il-logħbiet tiġi eliminata d-differenza minħabba li r-rebħ ta’ unur jiddependi fuq logħba. Hu sostna li ma jridx li l-logħba tmur għall-ħin barrani.

Fost in-neqsin għal Juventus se jkun hemm il-plejer ħabrieki Mario Mandzukic, b’Allegri jgħid li postu se jittieħed minn Federico Bernardeschi jew Douglas Costa. F’nofs il-grawnd dwell bejn Sami Khedira u Rodrigo Bentancur.

Milan ukoll se jkollhom il-plejers neqsin tagħhom, b’Suso probabbli hu l-aktar plejer influwenti li se jitlef il-logħba. Wieħed irid jara x’se tkun il-prestazzjoni tal-attakkant Gonzalo Higuain hekk kif fl-aħħar jiem kibru l-ispekulazzjoni dwar il-futur tiegħu.

L-aħħar ħames rebbieħa

2013  Juventus , 2014  Napoli , 2015  Juventus , 2016  Milan , 2017  Lazio

Min rebaħ il-kompetizzjoni

Juventus 7 darbiet , Milan 7 darbiet , Inter 5 darbiet , Lazio 4 darbiet, Napoli darbtejn ,Roma darbtejn , Fiorentina darba , Parma darba , Sampdoria  darba