Sport Sport Ieħor

Melo Zammit jirbaħ Klassi A Modified fil-kampjonat Autocross

(Ritratt: Mario Micallef)

Il-Ħadd li għadda, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi Karozzi organizzat it-tielet attività mill-Kampjonat Nazzjonali Autocross sponsorjat minn Pasta Poiatti. Fl-attività li saret fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali, 15-il kompetitur ħadu sehem fil-klassijiet Modified u Standard.

Melo Zammit fuq Opel Corsa ħareġ rebbieħ fil-finali tat-tellieqa missleta tal-klassi Modified. Joseph Micallef fuq Opel Corsa rebaħ żewġ heats minn tlieta u kiseb l-ogħla punti fil-ġurnata biex assigura postu fil-finali ta’ Klassi A. Zammit, Terence Azzopardi fuq Opel Corsa, Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta u Noel Zammit fuq Fiat Punto għaddew ukoll għall-finali.

Fil-finali, Zammit mar fuq quddiem fit-tieni dawra meta uża l-Joker Lap segwit minn Micallef u Azzopardi. Lejn tmiem il-finali, Terence Azzopardi uża l-Joker Lap biex avvanza pożizzjoni. Melo Zammit spiċċa rebaħ it-tellieqa bil-magna mitfijabil-ħsara ftit metri wara li qabeż il-linja finali, segwit minn Terence Azzopardi, Noel Zammit, Joseph Micallef u Ryan Scicluna rispettivament.

Fil-finali ta’ Klassi B, Nicolai Aquilina fuq Opel Corsa ħareġ rebbieħ fl-ewwel tentattiv tiegħu. Hu kien segwit minn Ivan Birmingham fuq Suzuki Swift u Joseph Spiteri fuq Opel Corsa. Joseph Micallef kien fuq quddiem tat-tellieqa iżda fil-ħames dawra żviluppatlu ħsara fiċ-ċirkolazzjoni tal-ilma u kellu jirtira. B’hekk Aquilina mar fuq quddiem u baqa’ sat-tmiem.

Mill-Klassi Standard, Melvin Buttigieg fuq Citroen AX spiċċa fl-ewwel post segwit minn Quinn Camilleri fuq Citroen Saxo u Jerome Peplow fuq Kia Avella. Buttigieg spiċċa fuq quddiem wara li fl-ewwel kantuniera Kyle Agius fuq Opel Nova għamel kuntatt ma’ Nicovich Chircop fuq Peugeot 106, b’tal-aħħar inqeleb mal-ġenb tal-korsa filwaqt li Agius spiċċa sospiż mir-referee tal-ġurnata.

Intant l-ASMK bħalissa tinsab għaddejja bil-preparazzjoni għad-Demolition Derby għas-sewwieqa. Il-Ħamis 24 ta’ Jannar se ssir laqgħa għal dawk interessati li jieħdu sehem fejn isiru l-aħħar reġistrazjonijiet. Il-laqgħa se ssir fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke u tibda fit-8.00pm.

Il-Ħadd li ġej, l-ASMK se tkun qed torganizza t-tieni attività mill-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro. Din l-attività se ssir fil-Barriera tal-Fawwara u l-attività tibda fl-10.00am.

Għal aktar informazzjoni, dawk interessati jistgħu jidħlu fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, jew jagħmlu kuntatt b’email fuq info@asmk.org.mt jew fuq 99425489.

Tags