Formula 1 Sport

Mick Schumacher mistenni jingħaqad mal-akkademja ta’ Ferrari

(Ritratt: Alexander Trienitz/LAT)

It-tifel tas-seba’ darbiet rebbieħ tal-Formula 1 Michael Schumacher, Mick, mistenni jingħaqad mal-akkademja ta’ Ferrari. Mick Schumacher li għandu 19-il sena se jkun qed jikkompeti fil-Formula 2 għall-ewwel darba mat-tim Prema.

Bħala parti minn dan il-ftehim, Schumacher se jsuq ma’ Ferrari f’żewġ testijiet f’dan l-istaġun. Ferrari għadhom ma kkonfermawx l-aħbar b’mod uffiċjali. Fil-passat huma kienu qalu li kienu interessati fih biex jingħaqad magħhom.

Is-sena l-oħra, Mick Schumacher rebaħ it-titlu Ewropew tal-Formula 3. Diversi sewwieqa telgħu mill-akkademja ta’ Ferrari u kkompetew fil-Formula 1, fosthom Charles Leclerc u Antonio Giovinazzi li din is-sena se jsuqu ma’ Ferrari u Sauber rispettivament.

Intant, l-eks sewwieq ta’ Manor u Sauber Pascal Wehrlein mistenni jkun sewwieq ta’ Ferrari din is-sena.