“L-Unjoni Ewropea għandha tkun unjoni soċjali – irridu nieħdu aktar azzjonijiet dwar temi soċjali. Għandu jkollna soluzzjonijiet Ewropew għall-isfidi soċjali, u l-politiki u l-proposti tagħna għandhom dejjem ikunu ffukati fuq il-bżonnijiet dejjem jinbidlu tas-soċjetajiet, u aktar importanti meta dawn l-istess politiki u proposti jaffettwaw l-impjiegi u l-karrieri taċ-ċittadini tal-UE,” qal David Casa, li hu l-Koordinatur tal-Grupp tal-PPE fuq il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL).
Waqt li kien qed jitkellem fid-dibattitu tal-Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, dwar il-Fond Soċjali Ewropew, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista nnota kif l-ESF+, fond ġdid, hu mmirat biex in-nies ikollhom xogħol, jappoġġja lil min iħaddem u jippromwovi investiment b’saħħtu fl-edukazzjoni.
Casa spjega li l-ESF+ jagħmel l-UE aktar kompetittiva mingħajr ma jinjora l-kuxjenza soċjali. “Wieħed irid iżomm f’moħħu r-realtajiet tan-nies, kif ukoll l-isfidi speċifiċi ta’ ċertu Stati Membri bħal Malta. Biex naslu għal dan, għandu jkun hemm aktar flessibilità fl-użu tar-riżorsi tal-ESF+.”
David Casa nsista li l-baġit tal-ESF+ għandu jiżdied biex jasal aktar u jkun aktar effettiv. L-ESF+ il-ġdid se jkompli jibni fuq is-suċċess tal-fondi ta’ qabel, billi jgħaqqad flimkien erba’ fondi differenti. Dan se jagħmel l-ESF+ il-ġdid aktar effiċjenti, li se jgawdu minnu ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.
“Dan il-fond jinvesti fiċ-ċittadini, u għalhekk għandu dejjem ikun aġġornat għall-ekonomija moderna u l-isfidi dejjem jinbidlu tal-impjegati u ta’ min iħaddem,” temm jgħid Casa.
//= $special ?>