Kumpanija indipendenti li kienet tqabbdet mill-Kunsill tal-Malta Racing Club biex tanalizza s-sistemà li permezz tagħha jitilgħu l-poloz tat-tlielaq taż-żwiemel, ma sabet l-ebda ħjiel li din is-sistemà kienet b’xi mod imbagħbsa.
L-investigazzjoni saret bħala reazzjoni wara li sidien taż-żwiemel, immedjatament wara li telgħu l-poloz tal-finali tal-150 anniversarju tal-istess klabb, allegaw li s-sistemà ġiet manipolata biex jiffavorixxu lil sid fuq ieħor b’numri tat-tluq aktar vantaġjużi.
Hekk kif din il-kumpanija lestiet l-analiżi tas-sistemà kompjuterizzaata, fost oħrajn billi ġabret l-informazzjoni ta’ kull tellieqa li saret fl-2017 u l-2018, instab li ma kien hemm l-ebda evidenza li xi ħadd kien favoreġġjat statistikament. Filfatt ir-rapport konklussiv jindika kważi ċertezza assoluta li kull żiemel kellu ċans ugwali li jikseb xi pożizzjoni jew oħra fil-polza.
Fil-programm li bih jittellgħu l-poloz, ma nstabet l-ebda possibbiltà li l-operatur ikun jista’ jimmanipula jew jalloka lil xi żiemel jew ieħor f’xi pożizzjoni partikolari fil-bidu tat-tellieqa.
Dan ifisser li min jopera s-sistemà tat-tlugħ tal-poloz m’għandu l-ebda jedd fuq id-deċiżjoni żwiemel jitilgħu minn quddiem jew minn wara. Dan apparti f’dawk l-istanzi meta kien is-sid stess li wera x-xewqa li ż-żiemel tiegħu riedu jitla b’numru minn wara fejn ikun immarkat hekk minn qabel.
Dwar dan il-każ kienet infetħet ukoll inkjesta maġisterjali, iżda l-investigazzjonijiet hawn ukoll waqfu wara li s-sidien stess li għamlu l-allegazzjonijiet għażlu li ma jipproċedux u ma nstab xejn inkriminanti.
Fi stqarrija, il-Malta Racing Club esprima sodisfazzjoni li dan ir-rapport iserraħ moħħ is-sidien kollha li f’dawn l-aħħar ġimgħat minħabba ċ-ċirkostanzi maħluqa seta daħlilhom xi dubju dwar l-integrità tas-sistema tat-tlugħ tal-poloz.
//= $special ?>