Lokali

Suspetti ta’ kundizzjonijiet orribbli għall-annimali

L-Animal Welfare deskritt "toqba tal-infern"

Persuna dedikata għall-annimali bl-isem ta’ Lulu Arpa, fuq Facebook għamlet allegazzjonijiet serji ħafna dwar l-istat tal-klieb miżmuma fl-Għammieri.

Billi l-allegazzjonijiet tagħha huma l-esperjenza personali tagħha stess u dik ta’ persuna oħra, il-grupp Rubs Puppy Love ma setgħux jirriskjaw li jieħdu r-responsabbiltà u għalhekk neħħew il-post tagħha minn fuq Facebook.

Fost affarijiet oħra, l-allegazzjoni magħmula minn Lulu Arpa qalet li z-zona li fiha l-klieb huma miżmuma fl-Għammieri – Animal Welfare, hija “toqba tal-infern, tant li dawk li jiġu addottati, jitilqu minn hemm fid-dmugħ”.

L-istess allegazzjoni ddikjarat li d-direttur ta’ Animal Welfare għandu uffiċċju milll-aktar avvanzat b’għamara sabiħa. Filwaqt li ħalla s-sitwazzjoni tal-klieb taħt il-kura tal-Animal Welfare f’sitwazzjoni ħażina.

Il-blogger Alison Bezzina li qed tinvestiga dan il-każ kitbet li l-persuna tingħata d-dritt li twieġeb meta dawn l-allegazzjonijiet isiru kontriha.

Barra minn hekk, hi qalet li fl-1 ta’ Jannar bagħtet email lid-Direttur Noel Montebello fejn inlkudiet kopja tal-allegazzjoni ta’ Arpa u talbet għar-reazzjoni tiegħu. Wara li għaddew ħamest ijiem u baqgħet mingħajr risposta, hi reġgħet bagħtitlu reminder u kelli din ir-risposta – “It-talba tiegħek għandha ssir lill-uffiċċju tal-komunikazzjoni.”

Fis-7 ta’ Jannar Bezzina bagħtet email lil Pietro Caschetto li huwa l-Uffiċjal Kap tal-Informazzjoni taħt l-amministrazzjoni tas-Segretarju Parlamentari għall-agrikoltura, is-sajd u d-drittijiet tal-annimali Clint Camilleri, fejn għal darb’oħra rreferewha għand persuna oħra. Sissa għadha mingħajr tweġiba.

Fuq facebook Josianne Vesic kitber li bħalissa l-Animal Welfare huwa magħluq għall-pubbliku.

 

 

Sabiex tivverifika, għamlet kuntatt mal-Animal Welfare fejn talbet biex tmur tara l-klieb li jistgħu jiġu addottati. Il-persuna li wieġbet it-telefon, immedjatament qalet li bħalissa jinsabu magħluqa għall-adozzjoni, u li ma kinitx taf ir-raġuni għaliex. Meta Bezzina insistiet li trid taddotta kelb minn dan is-santwarju, din il-persuna tagħtha l-kuntatt ta’ Konrad Ellul Amministratur mad-Direttorat tas-Servizzi tal-Benessri tal-Annimali u l-Promozzjoni.

Konrad Ellul reġa’ qallha li l-Animal Welfare bħalissa tinsab magħluqa għall-adozzjoni. Meta baqgħet targumenta u tinsisti, hu qallha biex terġa’ tmur l-għada. Saħaq li kien se joħorġilha kelb biex tarah. Dan juri li għal kwalunkwe raġuni, ma kienx se jħalliha tidħol hemm ġew.

Bezzina qed tinsisti illi dan kollu juri li verament hemm xi ħaġa għaddejja f’dal-post, u qed tinżamm mistura.

Wara li ġie pubblikat l-artiklu ta’ Bezzina, kelliem għall-Gvern qal li dawn l-allegazzjonijiet kienu qed jiġu investigati.