Sport Sport Ieħor

Vic Hermans isejjaħ l-iskwadra Maltija tal-futsal għall-kamp ta’ taħriġ fl-Irlanda ta’ Fuq

(Ritratt: Joe Borg)

Il-kowċ nazzjonali Malti tal-futsal Vic Hermans sejjaħ skwadra ta’ 13-il plejer għall-partiti ta’ ħbiberija kontra l-Irlanda ta’ Fuq li jiffurmaw parti minn kamp ta’ taħriġ.

Dawn il-logħbiet u l-kamp ta’ taħriġ se jservu ta’ preparazzjoni għall-impenji li t-tim Malti għandu fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2020. Dan it-tournament se jintlagħab fl-Iżvezja bejn id-29 ta’ Jannar u t-3 ta’ Frar, bl-avversarji ta’ Malta fi Grupp E huma l-Iżvezja, il-Belġju u l-Armenja.

It-tim Malti jħalli pajjiżna llum, biż-żewġ impenji kontra l-Irlanda ta’ Fuq se jkunu għada u s-Sibt fis-7.30pm ħin ta’ Malta. Din mhux se tkun l-ewwel darba li t-tim Malti se jkollu dan l-avversarju hekk kif f’Ottubru ntlagħbu żewġ partiti ta’ ħbiberija fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport. L-Irlanda ta’ Fuq rebħet l-ewwel logħba 2-1 iżda t-tim Malti ħareġ rebbieħ fit-tieni logħba 4-1.

L-għażla ta’ Hermans għandha l-iskwadra taħlita ta’ esperjenza ma’ xi żgħażagħ. Fost il-plejers ta’ esperjenza u li ilhom mat-tim nazzjonali hemm Mark Zammit u Jovica Milijic. Fatt interessanti hu li nofs l-iskwadra hi bbażata fuq plejers ta’ Luxol filwaqt li ċ-champions Valletta għandhom biss żewġ plejers inklużi.

L-iskwadra ta’ 13-il plejer

Stefan Vella (Valletta), Clint Mifsud (Luxol), Mark Zammit (Luxol), Jovica Milijic (Valletta), Matthew Attard (Luxol), Giancarlo Sammut (Luxol), Andy Mangion (Luxol), Shataizan Zarb (Luxol), Lee Grech (Università ta’ Malta), George Frendo (Luxol), Neil Cauchi (Università ta’ Malta), Rennie Tanti (Birkirkara), Andrè Ciancio (Swieqi United)

Tags