Sport Sport Ieħor

Wozniacki fit-tielet rawnd tal-Open tal-Awstralja kontra Sharapova

(Ritratt: EPA)

Caroline Wozniacki għaddiet għat-tielet rawnd tal-Open tal-Awstralja b’rebħa faċli fuq l-Iżvediża Johanna Larsson. Id-Daniża kellha bżonn siegħa u sitt minuti biex għelbet lis-sid numru 75 6-1, 6-3. Fit-tielet rawnd, is-sid numru tlieta se tilgħab kontra Maria Sharapova li rebħet it-tournament fl-2008. Sharapova, ħames darbiet rebbieħa ta’ Grand Slam, għelbet lil Rebecca Peterson 6-2, 6-1.

It-tliet darbiet rebbieħa ta’ Grand Slam Angelique Kerber għelbet lil Beatriz Haddad Maia 6-2, 6-3. Il-Ġermaniż li rebħet it-titlu fl-2016 għamlet biss 10 unforced errors kontra d-39 tal-Brażiljana. Fir-rawnd li jmiss hi tilgħab kontra Kimberly Birrell. L-Awstraljana ta’ 20 sena għelbet lil Donna Vekic 6-4, 4-6, 6-1 li għaddiet għat-tielet rawnd ta’ Grand Slam għall-ewwel darba.

Petra Kvitova kellha bżonn siegħa u disa’ minuti biex eliminat lil Irina-Camelia Begu 6-1, 6-3 u fir-rawnd li jmiss tilgħab kontra Belinda Bencic. L-Amerikana Sloane Stephens rebħet ukoll 6-3, 6-1 kontra Timea Babos biex se tilgħab kontra Petra Martic fir-rawnd li jmiss. Is-sid numru disgħa Kiki Bertens kienet eliminata b’sorpriża kontra Anastasia Pavlyuchenkova 3-6, 6-3, 6-3. L-Awstraljana Ashleigh Barty għelbet liċ-Ċiniża Yafan Wang 6-2, 6-3 fi ftit aktar minn siegħa.