Il-kantanta Maltija, Amber Bondin, jidher li messitha l-istess xorti tal-attur Malti, Davide Tucci, għaliex issa anki hi sabet ruħha f’nofs ħadma tal-Bitcoin mingħajr ma kienet taf.
Tliet ritratti mtellgħin fuq il-paġna uffiċjali tagħha ta’ facebook juru 2 riklami foloz tagħha tgħid kif irnexxielha tiġġenera miljuni ta’ profitt grazzi għall-pjattaforma Crypto Revolut, li tixtri u tbiegħ il-Bitcoin awtomatikament. Dan wara li skont l-artiklu, Amber irnexxielha tirkupra minn falliment finanzjarju.
B’hekk tħajjar lil dawk li qed jaqraw b’din l-aħħar opportunità biex jissieħbu f’din il-ħadma diżonesta.
Permezz ta’ post abbinat mar-ritratti mtellgħin, Amber Bondin serrħet l-imħuħ ta’ dawk li jsegwuha li m’għandhiex il-miljuni msemmija u għalhekk ħeġġet lil kull min jinzerta din l-affari fuq facebook biex jirrappurtaw il-każ.
F’kuntatt li għamel magħha dan is-sit, Amber Bondin qaltilna li mistennija tirrapporta l-każ lis-Cybercrime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
//= $special ?>